In-number plate kollox…

 In-number plate kollox…

Il-karozza hija bżonn li ftit jgħaddu mingħajru hawn Malta. L-istatistiċi juru li fit-toroq Maltin għandna kważi 450 elf vettura irreġistrati. Issa, hemm żewġ tipi ta’ sewwieqa:

  • dawk li l-karozza għalihom hija biss mezz biex iwassalhom minn punt A sa punt B;
  • dawk li għalihom il-karozza hija estensjoni tal-karattru tagħhom.

Fost is-sewwieqa tal-karozzi imbagħad hemm min għalih in-number plate hu biss kwistjoni ta’ reġistrazzjoni u jitmellaħ jekk ikunx jibda bil-A jew bl-M. Oħrajn jagħtu iktar kas u bħal ikunu jridu jwasslu xi tip ta’ messaġġ permezz tal-ittri u numri preżenti fuq il-number plate tal-karozza tagħhom.

Għal dawk li jkunu jridu plate personalizzata hemm żewġ prezzijiet: għal plate bi tliet ittri u tliet numri magħżul mill-propjetarju tal-karozzi lestu biex tħallsu 200 ewro. Imbagħad hemm min irid jidher iktar u għalhekk jagħżel plate iktar partikolari, forsi b’kunjomu, ismu, laqmu jew xi kelma oħra li jixtieq hu jew tixtieq hi. F’dan it-tieni każ il-prezz hu dak ta’ 1500 ewro. Għażliet bħal dawn diġà qed jgħidu ħafna dwar it-tip ta’ sewwieq jew sewwieqa li hemm wara l-isteering tal-karozza!

Fost il-plates bi tliet ittri u tliet numri magħżulin mis-sewwieqa rajt varji. Xi wħud bħal jitfgħu dawl fuq il-karattru tas-sewwieq, fosthom IXL (jiena neċċella), XXL (forsi, nara kbir f’kollox?), IOU (għandi ntik), RUN (sportiv), PAX (jemmen fil-paċi), LEX (jistudja l-liġi?), MUM u DAD (għall-ġenituri, jew min qed isuq hu ġenitur), OUR (il-karozza hija tat-tnejn), BAD (ħażin, mela żomm ’il bogħod minni), u GOD (xi ħadd iridha ta’ Alla, jew iktar ismu Godwin).

Rajt ukoll plates bi tliet ittri BMW (kemm hawn minnhom hux?!), NIN (għall-grupp Nine Inch Nails?), u bħala tliet numri jispikkaw ħafna d-007 jew is-777.

Imbagħad hemm min jippersonalizza iktar il-plate tal-vettura tiegħu: fost dawn rajt ACADEMIC (faqqa’ subgħajk ħej!), QUICKIE (isa ħej!), MELA (espressjoni komuni ħafna), bosta ismijiet u kunjomijiet, imma anki laqmijiet bħal BOMBA u oħrajn li ħafna raw minnhom żgur u daħqu daħqa wkoll.

Inti x’number plates tibqa’ tiftakar l-iktar?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com