Int tixtri prodotti tal-Collagen?
Dawn l-aħħar snin il-prodotti tal-Collagen ħadu l-fama u huma ħafna dawk li jagħmlu użu minnu. Jidher illi l-Collagen huwa “soluzzjoni” li jindirizza aspetti differenti bħal: xagħar, ġilda, dwiefer, għadam u joints. Kienu u għadhom ħafna l-konsumaturi li jixtru l-prodotti tal-collagen. Skont l-esperti, l-għagħa li hawn fuqu saħansitra qiegħed pass ’il quddiem aktar mix-xjenza.
Minkejja li xi studji jindikaw illi l-collagen fih il-benefiċċji tiegħu, fil-verità mhux kollox huwa daqshekk ċar. Xi riċerkaturi jemmnu li hemm rimedji naturali li fl-aħħar mill-aħħar jagħtu riżultat pożittiv simili.
X’inhuwa eżatt il-Collagen?
Il-Collagen huwa ammont kbir ta’ proteini. Fil-verità jifforma parti mit-30% tal-proteini f’ġisimna. Hemm 28 tip ta’ collagen u normalment huwa preżenti fl-għadam, fil-ġilda u fil-ligaments. Xogħlu huwa li jżomm kollox magħqud u b’saħħtu.
Minn fej ġej u x’jagħmel?
Ġisimna grazzi għaċ-ċelloli partikolari li għandu, jipproduċi l-Collagen. Xogħol il-Collagen huwa li jagħti sapport, struttura u flessibilità lill-ġilda u jipproteġi anke l-organi. Maż-żmien hemm iċ-ċans li dawn jibdew imajnaw. Fatturi oħra bħal tipjip, konsum għoli taz-zokkor u raġġi UV ukoll inaqsu l-qawwa tal-Collagen.
Il-prodotti fis-suq
Ta’ min ikun jaf illi il-prodotti tal-Collagen mhumhiex irregolati bħal pinnoli. Normalment dan jiġi rreklamat bħala suppliment nutrittiv. Uħud mill-prodotti juru li l-Collagen tagħhom ġej mill-ħut, mit-tiġieġ u miċ-ċanga. Zumpano, espert f’dan il-qasam, qal li huwa safe li jittieħdu bejn it-2.5 u l-15-il gramma ta’ Collagen kuljum. Madanakollu, l-ġisem ma jistax jassorbi il-collagen kollu.
Hemm evidenza li s-supplimenti tal-Collagen jaħdmu?
Studji aktar intiżi fuq il-benefiċċji ta’ dawn is-supplimenti għadhom għaddejin. Madanakollu, xi studji jindikaw illi meta l-Collagen jittieħed f’forma ta’ trab bħala suppliment, ir-riżultati huma kemmxejn limitati. Mid-dehra, dawn iktar ħallew impatt tajjeb fuq il-joints aktar milli fuq it-tikmix u x-xagħar. Esperti bħal Zumpano jemmnu aktar fi prodotti naturali u allura jisħqu li l-Collagen l-aħjar jittieħed mill-konsum ta’ ħut, tiġieġ, bajd u laħam.