Inti tajjeb għad-DIY?
Dawn it-tliet ittri huma taqsira tal-frażi do-it-yourself, li tirreferi għal meta inti stess tiddeċiedi żżejjen, issebbaħ jew tirranġa d-dar tiegħek jew ċerti affarijiet li jinsabu fiha bla ma tqabbad ħaddiema u tħallas għas-servizz.
Hemm min jiddeletta fid-DIY u jikkunsidraha bħala passatemp jew żvog adatt għalih biex jirrilassa jew jagħmel xi ħaġa differenti mix-xogħol li jagħmel matul il-jum. Hemm min jemmen li d-DIY jista’ jiffrankalek ħafna flus, anki fi żmien meta ċerti wħud jippużaw ta’ nies tas-sengħa imma fil-fatt ma jkunux, għalkemm xorta waħda jkollok tħallashom bil-għoli.
Hemm imbagħad min m’għandu la paċenzja u lanqas grazzja biex jaħdem xogħol bħal dan, anki għax jibża’ li minflok isewwi l-ħaġa inkwistjoni jispiċċa jgħarraq iktar is-sitwazzjoni u z-zalza tiġih ogħla mill-platt għax ikollu jħallas bniedem professjonali d-doppju ladarba d-dannu jkun sar darbtejn!
L-idea tad-DIY tmur ħafna iktar lura mis-seklu 20. Hemm min jikkunsidra lill-ktieb ta’ Joseph Moxon, intitolat Mechanick Exercises, bħala n-nannu ta’ kull manwal modern tad-DIY. Kien ippubblikat fl-1683–5, u fih issib tagħrif dwar kif issir ħaddied, kif tpinġi, kif taħdem fl-injam, dwar is-sengħa tal-inċiżjoni u tal-istampar tal-kotba, kif tagħmel il-mapep u strumenti matematiċi. Fl-1842 imbagħad, Mary Gascoigne ppubblikat il-ktieb Handbook of Turning, fejn spjegat is-sengħa tal-ħdim tal-injam permezz tat-torn.
L-idea tad-DIY però splodiet fis-snin ’50 u ’60 tas-seklu 20, meta l-ħaddiem akkwista iktar drittijiet, fosthom ġimgħa ta’ xogħol b’inqas sigħat, u għalhekk kellu paga ogħla u iktar ħin ħieles id-dar. L-interess fid-DIY żdied anki permezz ta’ programmi televiżivi segwiti minn eluf (fl-Amerka kien hemm is-serje ‘Bucknell’s House’), u rivisti speċjalizzati bħal ‘Practical Householder’.
Fortunatament illum issib bosta għodda li tista’ tuża għad-DIY fid-dar tiegħek u bi prezzijiet affordabbli. Min minna xi darba jew oħra ma użax xi driller, xi sander, xi jigsaw, u min jaf kemm għodda oħra?! It-teknoloġija tjiebet u llum issibhom anki bil-batterija li tista’ tiċċarġjahom kull meta trid.
Id-DIY hu sabiħ anki għax kapaċi tqarreb lill-membri tal-familja permezz ta’ attività fejn jista’ jgħin kull membru tal-familja.
(Sors: sciencemuseum.org.uk)