Inti tilbsu dejjem iċ-ċurkett taż-żwieġ?
Hemm min jemmen li l istorja taċ-ċurkett taż-żwieġ tmur lura mal-5000 sena, mela għal żmien l-Eġizzjani, meta ċ-ċirku kien jirrappreżenta l-infinit.
Iċ-ċurkett taż-żwieġ għalhekk jissimbolizza l-imħabba eterna u impenn fi ħdan ir-relazzjoni. Iċ-ċrieket jiġu skambjati miż-żewġ persuni f’jum it-tieġ u jintlibsu minnhom bħala sinjal lid-dinja li huma miżżewġin. Wara l-għotja taċ-ċurkett hemm ukoll il-wegħdiet li nagħmlu lil xulxin, fosthom li nibqgħu nħobbu lil xulxin għal ħajjitna sħiħa, minkejja dak kollu li jista’ jinqala’, mela bnazzi jew maltemp. Wegħda oħra hija dik tal-lealtà lejn il-persuna l-oħra. Ċerti koppji jħobbu jiktbu messaġġ personali qasir f’għamla ta’ inċiżjoni fuq ġewwa taċ-ċrieket.
Anki l-materjal li minnu hu magħmul dan iċ-ċurkett jissimbolizza s-saħħa u r-reżiljenza tal-imħabba bejn iż-żewġ persuni. Id-drawwa li nżidu xi ħaġar prezzjuż maċ-ċrieket taż-żwieġ mhix xi ħaġa ġdida, imma ċrieket taż-żwieġ bid-djamanti magħhom saru iktar popolari f’dan l-aħħar żmien, l-aktar dawk għan-nisa. Id-djamanti jirriflettu d-dawl u dan il-fatt rabathom iktar mal-idea ta’ mħabba u romantiċiżmu.
Hemm it-twemmin li bejn is-subgħa fejn nilbsu ċ-ċurkett taż-żwieġ u l-qalb hemm vina li tgħaqqadhom direttament. Mela simbolikament dan iċ-ċurkett għandu r-rwol li jiggwida s-sentimenti direttament għall-qalb, u b’hekk jassikura mħabba u hena. Ċerti ċrieket jintirtu u għandhom tifsira sentimentali ikbar.
Apparti dan kollu, mistoqsija komuni hija din: inti minn dawk li jilbsu l-ħin kollu ċ-ċurkett taż-żwieġ, anki meta torqod, jew tilbsu skont l-okkażjoni? Hemm min jemmen li ladarba huwa simbolu ta’ devozzjoni u lealtà lejn il-persuna li nħobbu, mela għandu jintlibes il-ħin kollu. Hemm min imbagħad jinża’ dan iċ-ċurkett qabel ma jorqod għax l-għafsa tiegħu fuq is-subgħa ddejqu u toħloqlu ċerta anzjetà. Oħrajn jinżgħuh meta jkunu se jagħmlu ċertu xogħol ladarba anki ħaġa ċkejkna bħal din tista’ tweġġgħek bla ma tistenna. Naf min pereżempju subgħu weħel mal-pum tal-bieb u weġġa’ mhux ftit minħabba li kien liebes iċ-ċurkett. Hemm min jinża’ dan iċ-ċurkett meta jkun se jaħsel il-plattijiet, il-ħwejjeġ u d-dar. Raġuni komuni għal dan hija li nibżgħu li nitilfu oġġett prezzjuż bħal dan.