Ir-raġel jgħin fil-faċendi tad-dar?
Kif nafu, illum il-ħajja nbidlet tassew. Anki minħabba kwistjonijiet ta’ flus ir-raġel m’għadux l-uniku fil-familja li jħalli d-dar biex jaħdem u jġib lura l-ħobża ta’ kuljum biex imantni l-familja, imma dan ir-rwol ilu li qed jinqasam anki mal-mara. Għalhekk bosta nisa llum għalkemm baqgħu jieħdu ħsieb it-tfal u d-dar, ħarġu jaħdmu wkoll biex jgħinu meta jasal il-waqt li jitħallsu l-kontijiet li mhux faċli tlaħħaq magħhom b’paga waħda.
Kemm nisa jgħidu li jagħmlu mill-inqas żewġ xogħlijiet: dak li joħroġhom barra mid-dar biex jaħdmu mal-kollegi tagħhom, u dak tad-dar li jiġi eżatt kif il-mara tasal lura mix-xogħol? Fost il-faċendi tad-dar ta’ min isemmi:
- ix-xirja li trid issir regolarment matul il-ġimgħa, fejn jinxtraw l-affarijiet bażiċi bħal ħobż, ħalib, frott, ħaxix, laħam, u l-bqija;
- it-trobbija tal-ulied;
- il-ħasil tal-ħwejjeġ, l-inxir tagħhom, iridu jinqalgħu, jintwew, xi wħud jitgħaddew, u jitqiegħdu lura fil-kxaxen jew gwardarobbi;
- it-tindif ġenerali tad-dar, li iktar kemm tkun kbira, iktar il-battikata li tieħu;
- it-tisjir tal-ikel, u anki hawn ix-xogħol hu ikbar iktar kemm tkun kbira l-familja;
- it-tindif tal-platti, twaġen, borom u tazzi wara l-ikliet ta’ kuljum;
- l-ordni tal-kmamar tas-sodda u tal-banju ta’ kull filgħodu;
- il-ħruġ tal-boroż taż-żibel, skont il-jum li jkun;
- iż-żamma tal-kontijiet u l-aċċertar li jitħallsu fil-ħin;
- u mitt elf ħaġa oħra.
Il-mistoqsijiet huma dawn? Kemm jgħin ir-raġel f’dan kollu? Kemm hu lest li r-raġel jgħin f’dan kollu? Hemm min għadu jemmen fir-rwoli skont is-sessi: ir-raġel jieħu ħsieb l-affarijiet tqal u ‘diffiċli’ bħall-manutenzjoni tad-dar, fosthom it-tikħil u t-tibjid, u kwistjonijiet ta’ plumbing u elettriku, il-ġarr tat-tankijiet tal-gass, is-service regolari tal-karozza, u ħwejjeġ oħra, filwaqt li l-mara tieħu ħsieb il-bqija.
Kemm għad hawn irġiel li jemmnu li l-maskulinità tagħhom jekk pereżempju jitfgħu l-ħwejjeġ maħmuġin fil-magna tal-ħasil, imbagħad jonxruhom u wara jaqilgħuhom, jitwuhom u jqegħduhom lura f’posthom? Kemm għad fadal irġiel li jemmnu li jumiljaw lilhom infushom jekk jippreparaw l-ikel huma? Kemm għad fadal irġiel li jarawha bi kbira li jmorru jagħmlu x-xirja huma?
X’għandhom xi jgħidu l-irġiel f’dan il-każ?