Jirbaħ fl-Olimpjadi u ma jiċċelebrax
Sa minn eta’ żgħira, kull atleta joħlom li jikkompeti f’kompetizzjonijiet kbar bħat-tazza tad-dinja tal-isport li jitħarreġ fih, jew fl-olimpjadi. U kull atleta li jasal biex jikkompeti fl-olimpjadi joħlom b’rebħ ta’ midalja. Kull rebħa taf twassal għall-finali u allura kull rebħa hija xi ħaġa li tiġi ċċelebrata bil-kbir minn kull atleta, għax hija pass ieħor lejn il-midalja
Rebħa fi kwarti finali hija rbħa li twasslek għas-semi finali, b’possibilita kbira li tirbaħ midalja u allura żgur li hi ta’ sodisafazzjon. Madankollu wara r-rebħa fil-kwarti finali tal-badminton, l-atleta rebbieħ Indjan Lakshya ma ċċelebrax, minkejja li kien l-ewwel player tal-badminton Indjan li wasal sa semi finali
Madankollu, fir-rebħa kontra Chou Thien-chen, Lakshya la qabeż u lanqas żifen wara r-rebħa. Kull m’għamel kien li ħa b’id l-avversarju. Ir-raġuni wara dan kollu kien illi Chou Thien-chen huwa atleta li qiegħed jiġġieled il-marda tal-kanċer, kanċer tal-musrana. U minkejja li ġie operat sena biss ilu, l-atleta għażel li jikkompeti xorta f’dan il-logħob
L-għażla ta’ Lakshya li ma jiċċelebrax saret b’rispett lejn l-avversarju, li minkejja d-diffikultajiet mediċi li għaddej minnhom, għażel li jonora l-fixture. Turija ta’ mħabba lejn l-isport minn Chou Thien-chen u ta’ rispett kbir mill-atleta Indjan Lakshya Sen.
Is-sabiħ tal-olimpjadi ikompli jispikka f’ġesti sbieħ bħal dawn. U anki jekk Lakshya ma rnexxielux jirbaħ midalja (hekk kif tilef is-semi finali), żgur li rnexxielu jirbaħ il-qlub ta’ ħafna