Kampjunat ta’ min jitkerrah l-iktar!

 Kampjunat ta’ min jitkerrah l-iktar!

Fil-Malti għandna idjomi bħal “wiċċ sid il-kera” biex nirreferu għal xi ħadd li dejjem ikun bin-nervi u li qatt ma tarah daħqan, jew “wiċċ ta’ gidmejmum”  u “wiċċ ta’ kukkudrill” biex nirreferu għal xi ħadd li wiċċu ikrah daqs xadina jew kukkudrill, b’rispett lejn ix-xadini u l-kukkudrilli. Bosta forsi użaw xi darba jew oħra l-espressjoni “wiċċ Laskri” biex jirreferu għal xi ħadd li dejjem jitkerrah, għalkemm oriġinalment kienet tirreferi għal min għandu x-xeħta ta’ supperv, imqit jew sever.

Apparti dan kollu, fir-Renju Unit hemm dak li jissejjaħ World Gurning Championship. “Gurning” fl-Ingliż tfisser titkerrah tant li wiċċek jakkwista karatteristiċi grotteski, mela dan il-kampjunat jirbħu min jirnexxilu jitkerrah l-iktar.

Hu maħsub li dawn il-kompetizzjonijiet bdew fl-1297 fl-Egremont Crab Fair, fir-Renju Unit, imsemmijin wara din it-tuffieħa tipika tal-post li hemm min jgħid li hi qarsa tassew. Allura jagħmel sens li proprju f’dan il-post iseħħ dan il-kampjunat ladarba kif tigdem u dduq tuffieħ bħal dan diffiċli biex ma titkerrahx.

Għal xi wħud li titkerrah hija xi ħaġa faċli u naturali, imma f’Egremont jagħmlu iktar faċli billi fl-istess ħin iġagħlu lill-parteċipanti jilbsu kullar taż-żwiemel. Mela dawn iridu jitkerrhu b’rashom imdaħħla f’kullar ta’ żiemel. “Gurn” tipiku jinvolvi li tipproġetta x-xedaq t’isfel ‘il quddiem u ‘l fuq kemm jista’ jkun, u fl-istess ħin tgħatti x-xoffa ta’ fuq bix-xoffa t’isfel!

Din il-kompetizzjoni ssir kull sena f’nofs ix-xahar ta’ Settembru. Hemm kategoriji differenti fejn jistgħu jipparteċipaw l-irġiel, in-nisa u t-tfal. L-aqwa gurner jew dak li kapaċi jagħmel l-aqwa wiċċ grottesk fl-Ingilterra jismu Peter Jackman, li rebaħ il-kampjunat dinji erba’ darbiet mill-1998 ’l hawn b’wiċċ imsejjaħ “Bela Lugosi”.

Kompetizzjoni simili ssir fl-Afrika, eżattament fiż-Żimbabwe, imsejħa Mr. Ugly Competition. F’dan il-każ jirbaħ mhux min jirnexxilu jitkerrah l-iktar, imma dak ir-raġel li hu l-iktar ikrah fost il-koroh!

Kompetizzjoni jew kampjunati bħal dawn żgur li jgħinu lill-parteċipanti jitgħallmu jidħqu bihom infushom. Tgħid il-Gran Mastru Lascaris li twieled fl-1560 kien jaf b’dil-biċċa?

(Sors: topendsports.com)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com