Karozzi klassiċi li nibqgħu ngħożżu

Hemm kategorija ta’ persuni li jaffaxxinaw ruħhom meta jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ xi karozza klassika. Din m’hemmx għalfejn ikollha xi mitt sena. Illum biex karozza tidħol fil-kategorija tal-klassiċi jrid ikollha 30 sena jew iktar.
Hemm min iħobb dawn il-karozzi għax ifakkruh propju fiż-żmien meta kien għadu iżgħar. Jgħidlek li dak kien iż-żmien meta l-karozzi kienu karozzi ta’ vera, magħmulin biex idumu u jservu lil dak li jkun għal snin twal. Dawn huma karozzi li iktar kemm iż-żmien jgħaddi inqas tibda tarahom jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, u meta tkun ixxurtjat biżżejjed u tara xi waħda pparkjata jew għaddejja mit-triq tħoss ċertu ferħ u nostalġija wkoll.
Ħa nsemmi xi ftit mudelli li konna familjari magħhom fl-aħħar tletin sena tas-seklu 20. Min għandu ċerta età żgur jiftakar numru ta’ mudelli Ford li llum ftit għadek tara minnhom jekk mhux waqt xi wirja partikolari. Min ma jiftakarx il-Ford Anglia, il-Ford Capri, imma l-iktar waħda popolari kienet il-Ford Escort Mark 1, għalkemm il-Mark 2 kienet maħbuba wkoll minna l-Maltin? Kien hemm il-Volkswagen Beetle jew rari iktar kien hemm il-Volkswagen Karmann Ghia. Kien hemm ukoll il-Volkswagen Traveler, il-van forma ta’ camper żgħir. Karozza maħbuba oħra kienet il-Mini Minor, bil-verżjoni iktar sportiva bl-isem ta’ Mini Cooper. X’rikba kien ikollhom!
U dan biex ma nsemmux karozzi bħall-Alfa Romeo Giulia jew 33, jew l-Alfasud, il-mudell Spider, jew il-bosta mudelli tal-Fiat, fosthom iċ-500 (Cinquecento), is-600 (Seicento), l-850, il-127, ir-Ritmo, u l-mudell iktar sportiv bħall-Fiat 125. Niftakar ukoll il-mudelli żgħar tal-Honda Civic jew is-Suzuki 800 tas-snin ’80. Imma ċert li l-qarrejja jiftakru iktar mudelli, xi wħud minnhom għal qalbhom tassew.
Imbagħad hemm il-kollezzjonisti. Dawk li huma tal-flus għandhom anki garaxxijiet mimlijin b’dawn il-mudelli, f’kundizzjoni eċċellenti, u arahom joħorġu xi dawra bihom nhar ta’ Ħdud filgħodu meta jkun il-bnazzi. Oħrajn għandhom xi garaxx żgħir li fih għandhom xi mudell jew tnejn żarmati lesti biex jiġu rrestawrati meta jiġi l-waqt it-tajjeb.
Intom l-entużjasti: liema hi l-karozza klassika favurita tagħkom?