Kif għandna nħarsu lejn il-cartoons tat-tfal
L-għażla ta’ cartoons u ta’ stazzjonijiet li huma mmirati għal tfal ta’ inqas minn sitt snin, qegħdin dejjem jiżdiedu. Madanakollu, ta’ min jiftakar li t-tfal ta’ din l-età qatt m’għandhom jitħallew kompletament waħedhom quddiem it-tablet jew quddiem it-televixin. Ejjew nesploraw fatturi differenti fejn jidħlu l-cartoons.
Ir-riskji li għandhom jiġu kkunsidrati
Anke jekk It-tfal huma intelliġenti ħafna, huwa neċessarju li jkun hemm min ifhemhom affarijiet differenti, fosthom: il-kontenut, il-varjetà fl-emozzjonijiet, reklami mhux magħżula u tant aktar. Ta’ min jinnota li, reċentament, ħafna mill-persunaġġi tal-cartoons huma eqreb lejn r-realtà u narawhom anke jagħmlu użu minn gadgets differenti.
L-aspett pożittiv tal-cartoons
Hemm ħafna aspetti pożittivi li joħorġu mill-istejjer tal-cartoons. Jekk nieħdu bħala eżempju Peppa Pig, naraw kemm Peppa tieħu ħsieb lill-ħabib tagħha u kemm tikkommetti ruħha sabiex jiġu solvuti ċertu problemi. Aktar milli nagħżlu jekk hemmx cartoon aħjar minn ieħor, ikun tajjeb li ngħinu lit-tfal jagħrblu dak li jkunu qed jaraw sabiex jiddistingwu x’inhu għemil pożittiv minn wieħed negattiv.
L-aspett edukattiv
Meta adult jkun qed jara cartoon mat-tfal, il-potenzjal edukattiv jissaħħaħ fuq erba’ livelli –
- L-istampi kapaċi jissemplifikaw u jirrapreżentaw storja li minnha nnifisha tkun ikkumplikata
- Iċ-ċans li wieħed jirrifletti fuq emozzjonijiet differenti hekk kif b’mod tanġibli, l-ispettatur ikun qed jara l-atteġjament tal-persunaġġi.
- L-identifikar ta’ sitwazzjonjiet ġodda li jagħtu l-opportunità li wieħed jesperimenta fuqhom.
- Riżorsa ta’ tagħlim fejn it-tfal jesponu ruħhom għal-lingwi differenti.
L-għażla tal-ġenitur
Adult jista’ jgħin lil uliedu jieħdu l-massimu minn cartoon fil-mument li jagħżel il-cartoon li ser jaraw u janalizzaw flimkien. Pereżempju, jista’ jkollok cartoon ibbażat fuq fatti storiċi. Jkun tajjeb li l-ġenitur ifittex ftit minn qabel sabiex ikollu idea u jkollu ħsieb ġenerali tal-kontenut. B’dan il-mod ikun jista’ jkun ta’ sapport jekk hemm xi ħaġa li mhux ċara. Ikun pożittiv ukoll li wara kull epiżodju, il-cartoon jiġi diskuss. Konversazzjoni tista’ twassal sabiex jiġu esplorati l-għażliet ta’ karattru prinċipali, xi messaġġ li ħareġ mill-istorja jew inkella x’għandu jsir aħjar f’ sitwazzjoni partikolari.