Kif iżżomm l-iskrivanija tiegħek?

 Kif iżżomm l-iskrivanija tiegħek?

L-iskrivanija tagħna hija l-ispazju fejn naħdmu, kemm jekk id-dar, kif ukoll jekk fuq il-post tax-xogħol. Hemm min jemmen li l-karattru tal-bniedem tagħrfu skont kemm iżomm ordni jew diżordni fuq l-iskrivanija tiegħu. L-istat ta’ kif iżżomm l-iskrivanija tiegħek se jaffettwa wkoll il-mod kif in-nies u l-klijenti tiegħek se jaħsbu dwarek, imma anki l-mod  – komdu jew le – kif inti tħossok fuq il-post tax-xogħol.

Hemm min jgħid li iktar kemm l-iskrivanija tkun mimlija affarijiet, iktar tirrifletti l-fatt li inti persuna estroverta, organizzata fid-diżorganizzazzjoni, u amikevoli. Oħrajn jemmnu li skrivanija diżordinata tirrifletti l-fatt li ma tafx timmaniġġja sewwa l-ħin tiegħek, m’intix produttiv, ma tagħtix biżżejjed valur lix-xogħol tiegħek, tista’ tkun persuna newrotika jew għażżiena, u għandek nuqqas ta’ kapaċitajiet organizzattivi.

Min-naħa l-oħra skrivanija organizzata tajjeb tgħinek ittejjeb il-konċentrazzjoni tiegħek u għalhekk tagħmel aħjar xogħlok u tkun iktar produttiv. Skont dik li tissejjaħ il-“personalità tal-iskrivanija” f’dal-każ tista’ tkun parti mill-“minimalisti”, mela persuni li jħobbu jżommu l-wiċċ tal-iskrivanija tagħhom nadif u ħieles mill-imbarazz. Karatteristiċi ta’ dawn il-persuni jistgħu jkunu: dixxiplinati, konxji tagħhom infushom, affidabbli, attenti, jafu jippjanaw tajjeb, u tajbin fil-ġestjoni tal-ħin.

Ngħidha kif inhi: jiena minn dawk li fuq l-iskrivanija tiegħi la tara ordni perfett, imma lanqas diżordni totali. Fuqha ssib il-laptop u l-maws, il-kontenitur fejn inżomm il-lapsijiet, biroes, markers u l-bqija, xi karti jew dokumenti u kotba stivati f’rokna oħra, il-mug bil-kowster taħtu, xi ritratt mal-membri tal-familja tiegħi, xi kejbils taċ-chargers, u arloġġ tal-iskrivanija żgħir li xi drabi nagħtih daqqa t’għajn bħala kumpanija. Jista’ jkun li jiena nagħmel parti mill-“personalità eklettika” ladarba fuq l-iskrivanija tiegħi issib varjetà ta’ oġġetti u stili li jirriflettu interessi u karattru varjati.

Il-“kreattivi” jħobbu jkunu mdawrin minn kuluri ħajjin, tiżjin li jispirahom u oġġetti mlewnin li jistimulaw l-immaġinazzjoni tagħhom. Huma persuni miftuħin għal ideat ġodda, jilqgħuk tajjeb u jħossuhom komdi fuq il-post tax-xogħol.

It-“techies”, li jħobbu aġġeġġi teknoloġiċi, li jistgħu jkunu persuni kurjużi u jħobbu jesperimentaw ukoll.

Inti kif iżżomm l-iskrivanija tiegħek?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com