Koppji qed jagħżlu li jorqdu b’mod separat
Għal ħafna nies, hija normali illi koppja f’relazzjoni torqod mhux biss fl-istess kamra, imma ukoll fl-istess sodda. Tant inkunu rridu norqdu fl-istess sodda, illi anki meta nsiefru nibbukjaw double bed. Imma dan l-aħħar qegħdin naraw aktar nies illi qegħdin jgħidu illi koppji illi jorqdu fi kmamar separati, ikunu aktar kuntenti
Dan l-aħħar, barra minn xtutna sar sondaġġ fejn 800 persuna ġew mistoqsija dwar l-esperjenzi tagħhom tal-irqad mal-partner, jekk hux fl-istess kamra jew le, u kif inhi ir-relazzjoni tagħhom
Ħamsin fil-mija tal-parteċipanti qalu illi huma għandhom relazzjoni tajba mal-partner, madankollu m’għadhomx jorqdu fl-istess kamra. Mir-risposti ta’ dan is-sondaġġ ħareġ illi dawk illi jorqdu fi kmamar separati kienu anqas stressati u kien qed ikollhom kwalita ta’ rqad aħjar . Minn naħa l-oħra, dawk li jorqdu flimkien kellhom relazzjoni sesswali aħjar mal-partner, kif ukoll irrapurtaw li r-relazzjoni tagħhom kienet aktar b’saħħitha
Hemm diversi raġunijiet għaliex koppji qegħdin jagħżlu illi jorqdu fi kmamar separati. Fuq quddiem jiġi l-inħir, ħoss illi huwa magħruf illi jtellef ir-raqda ta’ diversi nies. Raġuni oħra mogħtija hija illi l-koppja ikollhom ħajja attiva differenti, eżempju ħinijiet tax-xogħol li mhux kompattibli
U xi ngħidu għat-tempertatura u l-friex. Probbabli it-temperatura kemm tagħmel l-AC u dwar il-friex u t-tidwir fis-sodda huma fost l-argumenti frivoli illi koppja jkollhom waqt il-ħin tal-mistrieħ
Xi darba jew oħra, kulħadd raqad xi ftit waħdu. Jew għax xi ħadd ikun l-isptar jew għax xi ħadd mill-koppja ikun xogħol ta’ bil-lejl jew xi raġuni oħra. Għal daqshekk kulħadd jista’ jqabbel dwar jekk jippreferix jorqod mal-partner jew waħdu. L-importanti illi jkun hemm qbil bejn il-koppja, u xejn ma jkun sfurzat