Kunċert jew rave party?
Is-sajf iġib miegħu temp sabiħ, jiem itwal, aktar sigħat ta’ dawl li matulhom inkunu nistgħu nagħmlu attivitajiet differenti. Huwa l-istaġun li matulu ż-żgħażagħ, imma anki dawk li baqgħu żgħażagħ fl-ispirtu, jaraw fejn se jiddevertu, jiżfnu u jkantaw għar-ritmu tal-mużika. Mela s-sajf huwa anki l-istaġun li matulu jiġu organizzati bosta kunċerti l-iktar fil-miftuħ, imma anki rave parties għal dawk li jħobbu iktar il-mużika elettronika.
Il-kunċerti familjari ħafna magħhom. Bosta minna jsiefru regolarment biex jattendu għal kunċerti mtellgħin minn kantanti jew gruppijiet magħrufin mad-dinja kollha, organizzati fil-bliet Ewropej ewlenin, fosthom Londra, Milan, Ruma, u Pariġi. Hemm dawk li jħobbu r-rock jew il-metal u ħallihom ixenglu rashom u jaqbżu u jaħbtu ma’ xulxin waqt xi kunċert tipiku. Oħrajn ifittxu l-mużika kummerċjali pop u għalhekk ħallihom jixtru l-biljetti minn xhur qabel ħalli jkunu ċerti li għandhom post garantit f’xi stadju enormi fejn se jkunu jesebixxu ruħhom il-kantant/a jew grupp favuriti tagħhom.
Is-sabiħ tal-esperjenza tal-kunċert huwa li hu okkażjoni soċjali, fejn il-folla enormi, magħmula minn eluf ta’ fans, tkanta ħaġa waħda mal-kantant/a jew grupp il-kanzunetti favuriti li min jaf kemm-il darba semgħet qabel fuq ir-radju jew fuq il-mezzi soċjali. F’dawn il-waqtiet, fl-istadju jew spazju fejn ikun il-kunċert, l-individwu jsir parti minn familja waħda u kbira u bħal jidentifika ruħu mal-kantant/a jew grupp li jqishom bħala idoli.
Hemm min jippreferi xi ħaġa differenti, iktar individwali. Qed nirreferi għar-rave parties, fejn ikollok iktar ċans tiżfen, anki b’mod liberu u enerġetiku, għar-ritmu ta’ mużika elettronika u ripetittiva, u dwal u lasers imlewna jduru ma’ kullimkien tant li jħossok ewforiku, ħafif se ttir, imdawwar minn persuni bħalek li f’dak il-waqt bħal tidħol f’sintonija magħhom. Hawnhekk jeħtieġ noqogħdu attenti għal liema tip ta’ sustanzi nieħdu kemm konxjament jew inkonxjament, ladarba jistgħu jinxteħtulna bla ma nafu fid-drinks li nkunu ordnajna. Hawn min din jaraha bħala avventura u opportunità biex jintilef. Oħrajn ma jaslux jirriskjaw daqstant.
Inti x’tippreferi: kunċert jew rave party? Xi tħobb u xi jdejqek waqthom?