L-anzjani qrib tagħna

 L-anzjani qrib tagħna

L-anzjani huma parti minn ħajjitna. Kull wieħed u waħda minna xi darba jew oħra għadda parti minn ħajtu ma’ xi anzjan jew anzjana. Setgħu kienu in-nannu jew in-nanna, xi ziju jew zija tar-rispett, missieru jew ommu, imma anki xi xwejjaħ jew xwejħa li toqgħod ħdejna jew fl-istess raħal tagħna.

Hemm min kiber ma’ dawn l-anzjani, fis-sens li waqt li ommu u missieru kienu fuq il-post tax-xogħol, kienu proprju n-nanniet li ħadu ħsiebu, temgħuh, għaddew tant ħin miegħu u min jaf kemm fissduh jew fissduha. Hemm min minn rajh kien iqatta’ bosta ħin man-nanniet jew ma’ xi ziju jew zija anzjana, anki biex jagħmlilhom kumpanija, jagħtihom daqqa t’id fejn meħtieġ u jgħinhom ma jarawx il-ġurnata daqstant twila.

Kemm minna ġieli għamilna xi xirja mingħand tal-merċa biex ma nħallux lix-xjuħ tagħna jbatu u jagħmlu sforzi żejda. Kemm minna konxji li għalkemm dawn huma xjuħ fil-preżent, fil-passat min jaf kemm ħadmu u stinkaw biex uliedhom u l-familji tagħhom ma jonqoshom qatt xejn?

Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, meta kont għadni żgħir, kienet tiġi zija anzjana  – forsi mhux daqstant imma jiena hekk kont naraha – għandna biex tgħin fil-ħasil tal-ħwejjeġ fi żmien meta ommi kienet tkun tqila. Arana lili u lil ħija nduru madwarha waqt li qed taħsel, togħrok, tlaħlaħ u tagħsar il-ħwejjeġ. Imma waqt li qed tagħmel dan kollu kellha l-ħila tirrakkuntalna stejjer mill-isbaħ li kienu jsaħħruna tassew! Min ma jiftakarx l-istejjer ta’ Ali Baba l-ħalliel, ta’ Ġaħan, tal-Qattus bil-Buz, u tant oħrajn? Kienet tgħidilna wkoll li meta kienet għadha żgħira kienet taħdem bħala infermiera, tagħti daqqa t’id lis-suldati feruti li kienu jinġiebu Malta fl-isptarijiet.

Anzjana għal qalbi kienet in-nanna materna. Kienet issejjaħli “filjozz” u min jaf kemm kienet taqbeż għalija! Min jaf kemm ħaditha kontra ommi għax fi ħsiebha ma kinitx tagħtini dak li kont nixtieq! Kien il-gost tiegħi nisma’ lin-nanna tirrakkontali l-esperjenzi tagħha ta’ matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com