L-iħirsa mhux kollha l-istess
Is-suġġett tal-iħirsa, bħal kull ħaġa oħra tal-paranormal iqajjem interess.Ħafna drabi, meta nisimgħu il-kelma ” ħares” naħsbu li dawn l-iħirsa huma kollha l-istess. Imma kont taf li l-iħirsa huma differenti, u saħansitra huma maqsuma f’kategoriji differenti?
Waħda mill-affarijiet li tajjeb insemmu hi li l-iħirsa huma msemmija f’diversi kulturi u mhux marbuta ma’ xi pajjiż jew reliġjon partikolari. Apparti minn hekk, forsi b’kumbinazzoni jew le, ċertu stejjer dwar l-iħirsa jixxiebħu
Wieħed mill-iħirsa li jgħidu li jeżistu huma dawk l-iħirsa li jiġu lura fid-dinja sabiex jagħmlu l-ħsara. Dawn l-iħirsa ikunu iridu jagħmlu l-ħsara bħala tpattija għal xi ħaġa li tkun ġrat lilhom, meta huma ukoll kienu għadhom jagħmlu parti mid-dinja fejn jgħixu in-nies. Skont ma jingħad, dawn l-iħirsa kienu mietu f’ċirkostanzi ta’ tbatija jew vjolenza, bħal persuni maqtula waqt xi battalja jew vittmi t’omiċidji
Kontra tagħhom, insibu dawk l-iħirsa li jidhru sabiex jagħmlu it-tajjeb jew joffru l-għajnuna tagħhom. Dawn l-iħirsa mhux biss joffru protezzjoni imma jagħtu ukoll gwida lil persuni umani li jkunu jridulhom il-ġid. Ħafna jassoċjaw dawn il-fatati mal-qraba li jkunu mietu, jew ma’ antenati li jkunu baqgħu iduru sabiex jipproteġu lill-familjari, anki jekk dawn ikunu jiġu minnhom mill-bogħod
U jekk l-iħirsa li semmejna qabel, jidhru biex jagħmlu l-ġid, mhux l-istess nistgħu ngħidu għal dawk imsejħa poltergeists. Il-kelma poltergeists ġejja mill-ilsien Ġermaniż u litteralment tfisser spirtu li jħabbat. U dak huwa xogħol il-poltergeists hekk kif inhu magħruf illi dan l-ispirtu hu reposnsabbli għall-ħsejjes u affarijiet oħra sopranaturali bħal oġġetti jiċċaqalqu jew ħsejjes kbar. Il-poltergeists hu magħruf li mhux spirtu tajjeb
Imbagħad jeżistu ukoll l-ispirti tat-tfal jew saħansitra tal-annimali. L-ispirti tat-tfal mejta huma meqjusa bħala innoċenti, imma b’saħħithom, li ħafna drabi jġibu xorti tajba. U għalkemm ħafna jemmnu li l-annimali m’għandhomx ruħ, għal xi kulturi, l-annimali mejta jistgħu jibqgħu jidhru bħala spirtu
Ħafna, kuntrarjamnet għal-imgħoddi ma jemmnux bl-iħirsa, madankollu għax ma nemmnux, ma jfissirx li ħaddieħor ikun ivvinta . Dak li ma narawx aħna, ma jfissirx li ma jeżstix