L-oleandru: sbuħija jew velenu?
L-oleandru huwa arbuxell jew siġra żgħira li tiġi kkultivata f’bosta pajjiżi fid-dinja fejn hemm ix-xemx u s-sħana, fosthom Malta. Hija tip ta’ pjanta li tintuża biex issebbaħ l-ambjent tal-madwar. Tant hu hekk li hawn Malta narawha spiss fis-central strips jew fir-roundabouts, imma anki fil-ġnub ta’ bosta toroq. Insibuha wkoll fil-ġonna, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u tista’ titkabbar anki fi qsari.
Wisq probabbli toriġina fiż-żona Mediterranja, taf tikber bejn 2 u 6 metri għoli, u tiflaħ kemm għan-nixfa kif ukoll għall-għargħar, imma mhux għal perijodi twal ta’ kesħa. Tikber ukoll f’ħamrija mhux daqstant tajba u tiflaħ anki għall-ispray mielaħ tal-baħar. Għandha fjuri b’ħames petali ta’ lewn aħmar, roża jew abjad, li jikbru matul is-sena kollha, imma l-iktar fis-sajf. Jinżabar fir-rebbiegħa meta jkun hemm bżonn.
Forsi mhux kulħadd jaf li l-oleandru għandha bosta elementi li jagħmluha velenuża. Proprju għax għandha togħma morra ma tattirax la lilll-bniedem u lanqas lill-annimali u għalhekk il-każi ta’ avvalenament huma rari u hemm riskju żgħir ħafna ta’ mewt fost il-bnedmin. Importanti però li meta noħorġu l-kelb għall-passiġġata, inżommuh ’il bogħod minn pjanta bħal din li 100 gramma biss minnha tista’ toqtol saħansitra żiemel żgħir. Dil-pjanta hi perikoluża anki għal annimali bħal nagħaġ u baqar.
Jekk wieħed jibla’ ammonti kbar ta’ dil-pjanta allura jista’ jistenna li jaqbdu d-dardir, il-bżonn li jirremetti, jibda jipproduċi ammonti kbar ta’ bżieq, ikollu wġigħ fl-addominali, dijarrea bid-demm, u qalbu tibda tħabbat b’mod irregolari. Anki l-likwidu li joħroġ mill-pjanta jaf jirritalek il-ġilda u jikkawżalek infjammazzjoni fl-għajnejn. Importanti wkoll li nżommu lit-tfal ’il bogħod mill-oleandru ladarba jħobbu jmissu u forsi anki jpoġġu f’ħalqhom dak kollu li jiġi quddiemhom.
Kemm minna mbagħad jiftakru persuni li jibżgħu minn din il-pjanta għax jgħidu li jkollha l-wirdien?! Tant hu hekk li kien hemm min sejħilha saħansitra l-pjanta tal-wirdien. Hu veru li hemm wirdien li jgħix f’din il-pjanta għax iħobb ir-riħa tal-fjuri tagħha, imma m’hemm l-ebda evidenza xjentifika li l-wirdien iħobb l-oleandru.
Inti x’taħseb dwar l-oleandru?