Li titkellem miegħek innifsek jista’ jkun ta’ vantaġġ

 Li titkellem miegħek innifsek jista’ jkun ta’ vantaġġ

It-tendenza hi li s-soċjetà in ġenerali tħares bl-ikrah lejn min ikun qed jitkellem miegħu nnifsu. Madanakollu, ta’ min ikun jaf li meta individwu jitkellem miegħu nnifsu, hemm  wkoll il-benefiċċji. Ir-riċerka ssostni wkoll li din tista’ tkun prattika pożittiva.

Xi darba jew oħra kulħadd leħħen (anke involontarjament) ħsiebijietu. Piaget jispjega li drawwa hekk tibda sa minn età bikrija mal-kontroll tal-azzjonijet waqt l-iżvillup tal-lingwaġġ. Kemm-il darba per eżempju t-trabi jaraw xi ħaġa perikoluża, jgħidu ‘aħħ’ u mbagħad jitilqu ’l hemm? Drawwa simili titkompla anke meta nikbru.

Xi wħud mill-benefiċċji meta nitkellmu magħna nfusna huma dawn li ġejjin –

Żieda tal-abbilitajiet konjittivi

Xi studji juru li meta wieħed jitkellem miegħu nnifsu jgħin lill-moħħ sabiex jaħdem aħjar. Fil-fatt, kien hemm ricerkaturi li nnutaw li meta l-persuni involuti fl-istudji qraw b’vuċi għolja sett ta’ struzzjonijiet, dan għenhom sabiex jikkonċentraw u jiffukaw aħjar. Saħansitra hemm studji oħrajn fejn ġew osservati t-tfal jitkellmu magħhom infushom sabiex jaqflu l-lazz. Dan wera kemm biċċa xogħol li tkun kemmxejn diffiċli titqassam aħjar hekk kif wieħed jitkellem miegħu nnifsu.

Mezz ta’ kuraġġ

Il-fatt li bniedem ikun qed jitkellem miegħu nnifsu bħal ngħidu aħna waqt xi sitwazzjoni diffiċli, tista’ tgħin lil dak li jkun irabbi naqra iktar kunfidenza u inkoraġġament. Meta kienu saru xi esperimenti qalb xi sportivi tat-tennis, ġie nnutat li dawk il-plejers li ġew mħeġġa sabiex jagħmlu hekk, b’xi mod naqqsu l-livell ta’ ansjetà u kellhom ‘performance’ tajba.

Sens aħjar ta’ oġġetiviżmu

Saru anke osservazzjonijiet f’waqtiet iebsin fejn individwu tkellem miegħu nnifsu billi uża t-tielet persuna. Dawn saru waqt li pazjenti kienu ser jagħmlu test tal-MRI. B’tattika simili l-pazjent ikkalma aktar malajr. Kellmu lilhom nfushom bl-istess mod kif jitkellmu kieku qegħdin ma’ ħaddieħor.

 

Minn barra dawn l-effetti, meta żżomm komunikazzjoni miegħek stess tkun qed tgħin biex iżżomm iktar kontroll fuqek innifsek. Anke fejn jidħol studju, jekk ħafna mill-qari jsir b’vuċi għolja, hemm ċans li l-punti tassorbihom iktar malajr u tkun qed tħarreġ bl-aħjar mod il-memorja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com