Liema awtobijografiji jew bijografiji jogħġbuk?
Hemm min iħobb jaqra xi rivista jew gazzetta, forsi għax ħin biżżejjed ma jkollux, jew għax jiddejjaq jaqra fit-tul. Min-naħa l-oħra hawn min ma jgħaddix mingħajr ma jaqra xi rumanz sabiħ, bil-Malti, bl-Ingliż, u forsi anki bit-Taljan. Imbagħad hemm min ma jħobbx jaqra ġrajjiet mistħajlin, imma jippreferi ġrajjiet li seħħew verament.
L-awtobijografija hija meta xi ħadd jiddeċiedi jikteb fit-tul dwar ħajtu. Minn dawn għandna bosta anki bil-Malti, miktubin minn personalitajiet li nafu bihom, fosthom politiċi u kittieba. Fost dawn insemmi:
- Rajt Malta Tinbidel ta’ Herbert Ganado;
- Mill-Album ta’ Ħajti ta’ Anton Buttigieg;
- The Politics of Persuasion ta’ Guido Demarco;
- Meta Faqqgħet il-Gwerra ta’ Laurence Mizzi;
- Sireni u serenati ta’ Lina Brockdorff;
- Fjuri li ma Jinxfux ta’ Oliver Friggieri;
- Malta li għext fiha ta’ J.J. Camilleri;
- Confessions of a European Maltese ta’ Alfred Sant;
- Il-ġenn li jżommni f’sikti ta’ Trevor Żahra;
- Mill-ġnejna ta’ Tfuliti ta’ Carmel G Cauchi;
- Chambers of memory ta’ Richard England.
Hemm imbagħad il-bijografiji. Dawn huma dwar il-ħajja ta’ bnedmin magħrufa, imma miktubin mhux minnhom stess imma minn xi ħaddieħor li jkun studja sewwa ħajjithom. Anki hawn għandna għadd sabiħ ta’ eżempji lokali, fosthom:
- Il-ħajja ta’ Manwel Dimech, u dik ta’ Dom Mintoff (The Tail That Wagged the Dog), it-tnejn ta’ Mark Montebello;
- San Ġorġ Preca. Ħajtu bħal qatt qabel ta’ Ġorġ Borg;
- Ġwann Mamo ta’ Francis Galea;
- Zammit of Malta. His times, life and achievements, bijografija dwar Temi Zammit ta’ Roger Ellul- Micallef.
Hemm ħafna iktar eżempji, kemm dwar personalitajiet Maltin, kif ukoll barranin. Awtobijografija li kienet inqrat ħafna kienet dik ta’ Winston Churchill. Imbagħad hemm awtobijografiji famużi oħrajn bħal dawk ta’ Anne Frank, Nelson Mandela, Barack Obama, Bob Dylan, il-Prinċep Harry, Dave Grohl (tan-Nirvana u Foo Fighters), Ozzy Osbourne, u tant u tant oħrajn.
Meta naqraw dawn inkunu qed nitgħallmu dwar il-ħajja tal-personalità, imma anki dwar l-isfond storiku li tkun għexet fih.
Inti liema awtobijografija jew bijografija qrajt?