Liema data storika Maltija tgħożż l-iktar?

 Liema data storika Maltija tgħożż l-iktar?

Jgħidu li aħna l-Maltin bħala poplu neqsin sewwa mill-kultura. Suġġett bħalma hu l-Istorja fl-iskola narawh żejjed. Imbagħad dan in-nuqqas isir evidenti meta niġu biex nitkellmu dwar il-ġrajjiet importanti li wassluna biex illum inkunu poplu għalina mmexxu għal rasna għal mill-inqas 60 sena.

Imma wara kollox din mhix karatteristika jew difett ta’ bosta popli oħrajn? Anki barra minn Malta ssib min m’għandux idea ta’ min kienu ċerti personaġġi storiċi, l-importanza tagħhom fil-qasam kulturali, xjentifiku, storiku u l-bqija. Mela għaliex nistagħġbu bina nfusna?

Il-15 ta’ Awwissu niċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija, mela fuq kollox festa reliġjuża li hija mfakkra f’numru mdaqqas ta’ rħula kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Il-Madonna hija għal qalb bosta Maltin, tant li f’waqtiet diffiċli rrikorrejna għaliha biex tgħinna u tidħol għalina. Dan huwa wkoll il-jum li fih infakkru d-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija li kien parti mill-Operation Pedestal (Awwissu 1942) fejn intbagħtu numru ta’ vapuri mimlijin provvisti li għenu biex Malta ma ċċedix kontra l-forżi Nażisti. Numru żgħir ħafna minnhom wasal Malta imma l-ftit li daħlu fil-Port il-Kbir irnexxielhom jimlew lill-Maltin bit-tama u l-kuraġġ minkejja li konna neqsin ħafna mill-ikel.

Data oħra importanti hija t-8 ta’ Settembru meta nfakkru Jum il-Vitorja u anki r-rebħa tal-Assedju l-Kbir. Is-sena kienet l-1565 meta l-kbarat tal-Imperu Ottoman iddeċidew li jieħdu taħt idejhom il-gżejjer Maltin. Dawn niżlu Malta f’nofs Mejju u ħasbu li se jieħdu lil Malta fi ftit jiem imma sabu reżistenza tant kbira – minkejja li konna poplu żgħir flimkien ma’ ftit kavallieri – li wara li tilfu eluf ta’ suldati u raw li daħal Settembru ddeċidew li jirtiraw mill-gżejjer darba għal dejjem.

Fl-istess xahar infakkru Jum l-Indipendenza li jaqa’ fil-21 ta’ Settembru. Dan kien jum kbir fl-1964 meta għall-ewwel darba Malta ngħatat l-indipendenza politika u ma baqgħetx taħt il-ħakma barranija. Huwa jum li jintrabat ma jiem oħra importanti, fosthom it-13 ta’ Diċembru 1974 (Jum ir-Repibblika) u l-31 ta’ Marzu (Jum il-Ħelsien).

Xi jfissru dawn il-jiem għalina? Liema jum storiku tgħożż l-iktar?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com