Liema hu l-agħar: Iz-zokkor jew sustanzi oħrajn ta’ ħlewwa?

 Liema hu l-agħar: Iz-zokkor jew sustanzi oħrajn ta’ ħlewwa?

Huma ħafna dawk li jinsistu li alternattivi oħrajn ta’ ħlewwa artifiċjali huma aħjar għas-saħħa miz-zokkor. Iżda dan huwa minnu? Skond dietologi internazzjonali, il-paragun bejn dawn huwa wieħed kumpless. 

Għal ħafna żmien, iz-zokkor kien kollegat ma’ problemi ta’ obeżità, diabete u mard tal-qalb u minn hemm, ħafna bdew jirrikorru għal sostituti taz-zokkor bħal sustanzi artifiċjali tal-ħlewwa, alkoħol taz-zokkor, u għażliet oħrajn b’livell baxx ta’ kaloriji. Dawn is-sostituti saru popolari hekk kif jgħinu lil dak li jkun inaqqas il-konsum ta’ kaloriji u b’hekk jgħin fl-ikkontrollar tal-piż. Madanakollu, skond riċerki riċenti jidher li dawn is-sostituti taz-zokkor m’humiex daqshekk ideali għas-saħħa daqs kemm konnha naħsbu.

Sustanzi artifiċjali tal-ħlewwa bħall-aspartame u sucralose huma aktar ħelwin miz-zokkor u b’hekk dak li jkun juża kwantità inqas. L-alkoħol taz-zokkor (sugar alcohols) bħal erythritol, fihom inqas kaloriji miz-zokkor u jintużaw għax iħallu inqas togħma wara li jiġu kkunsmati. Madanakollu, dawn is-sostituti jġibu magħhom ukoll ċertu livell ta’ tħassib. Infatti, studji li saru dan l-aħħar qed jgħidu li dawn is-sostituti saħansitra jistgħu jżidu r-riskju ta’ mard tal-qalb, puplesija u dijabete tat-2 tip, bħaz-zokkor normali. Jistgħu joħolqu wkoll problemi diġestivi fejn tħossok minfuħ jew saħansitra jqabbduk id-diarrhea. Apparti minn hekk, filwaqt li dawn is-sostituti għaz-zokkor ma jikkawżawx il-kankru b’mod dirett, jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda fil-piż, li mbagħad toħloq riskju ta’ kankru.

Fl-aħħar mill-aħħar, kemm iz-zokkor, kif ukoll is-sostituti tiegħu jġibu magħhom problemi differenti u għaldaqstant, is-soluzzjoni hija li tikkontrolla l-konsum tagħhom kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com