Liema hu l-oġġett li ġġorr miegħek dejjem?
Ftit ilu ġie dan il-ħsieb f’moħħi. Hemm oġġetti li huma tant għal qalbna jew bżonnjużi fil-ħajja ta’ kuljum tagħna li ma ngħaddux mingħajrhom u għalhekk inġorruhom magħna kullimkien u dejjem.
Fl-antik konna nisimgħu dawk li ma joħorġux mingħajr xi domna partikolari biex tipproteġihom kontra l-ħażen u t-tentazzjoni. Lin-nisa kont issibilhom dejjem xi velu għax mingħajru ma kinux jistgħu jidħlu fil-knisja. L-irġiel kont tarahom bil-beritta fuq rashom, sajf u xitwa, lejl u nhar.
Hemm min ma jgħaddix mingħajr sigarett u għalhekk ħallih iġorr miegħu pakkett sigaretti u ligħter kull fejn imur tant li anki l-bwiet tal-qliezet ikunu ħadu l-forma tagħhom! Oħrajn tarahom iġorru dak il-mus jew Swiss knife, anki jekk ikunu ċkejknin, basta jserrħu rashom li jekk jinqala’ xi ħaġa jkollhom din l-“għodda” fuq persunthom.
Il-maġġoranza tagħna fil-preżent ma joħorġux mingħajr il-mowbajl. Iħossuhom bħal għarwenin jew daqslikieku waqgħet id-dinja jekk xi darba joħorġu mingħajru jew jindunaw li tilfuh, imqar momentanjament! U dan anki għax bil-mowbajl ma sirniex biss nikkomunikaw mal-familjari u mal-ħbieb f’kull waqt u kull fejn immorru, imma saħansitra nħallsu bla ma jkollna bżonn inġorru flus f’għamla ta’ karti jew muniti fuqna.
Naf min ma joħroġx jekk miegħu ma jkollux pakkett chewing gum, u dan biex itaffi min-nervi jew jgħinu jiekol inqas. Hemm min huwa iktar konxju ta’ saħħtu u arah iġorr dejjem miegħu flixkun ilma ħalli jżomm ruħu idratat il-ħin kollu. In-nisa jħobbu jġorru magħhom ċerti prodotti tal-make-up, xi mera żgħira. Oħrajn ikollhom iġorru anki xi mediċina partikolari.
Għad hemm minna li jġorru magħhom u kullimkien xi ritratt ta’ xi persuna jew persuni għal qalbhom?
Personalment, inħobb inġorr miegħi kull fejn immur u f’kull waqt notebook żgħir jew karta jew tnejn, u biro jew lapes. Nibża’ li tiġini xi idea f’moħħi jew tħabbatli l-muża u ma jkollix lapes jew karta fejn nikteb dak li jkun għadda f’moħħi biex b’hekk nitilfu darba għal dejjem!
Apparti l-affarijiet msemmijin hawnhekk, inti għandek xi ħaġa oħra li ġġorr miegħek dejjem?