Liema ikel m’inti lest li tiekol qatt?

M’aħniex se nieħdu għalina jekk jgħidulna li aħna bħala Maltin poplu wikkiel. Anzi, kważi kważi, bosta jafu joħduh anki bħala kumpliment! Dan juri li aħna poplu li ngħixu fl-abbundanza u, jekk xejn, nafu nieħdu ħsieb il-ħawsla.
Bħala ikel Malti għandna għażla wiesgħa: ibda mill-ħobża tal-Malti jew il-ftira Maltija li nafu nħawruhom b’tant modi differenti, u kompli bi platti bħall-imqarrun, ir-ross jew il-patata l-forn, l-istuffat tal-fenek. Imbagħad hemm il-pudina, il-kejk, it-trajfil Maltija, il-ħelu magħmul mil-lewż, il-pastizzi tal-irkotta, tal-piżelli u tal-inċova, l-imqaret, u elf ħaġa tajba oħra. Dan biex ma nsemmux it-tant platti barranin li drajna nieklu matul dawn l-aħħar deċennji.
Issa, apparti dan kollu, hemm min jgħidlek li ċertu ikel mhu lest jieklu qatt. M’iniex nirreferi għat-tadam, jew għall-perzut, jew għall-bulubif, li bħala tfal konna ngħidu “Jaqq!” malli narawhom. Qed nirreferi għal ikel ieħor – jekk tista’ tgħidlu hekk – li hemm xi wħud li lanqas kapaċi jħarsu lejh, aħseb u ara jikluh.
Personalment m’iniex fost dawk li nħobb il-ħut, anki jekk Malta bħala gżira hija magħrufa għal platti delizzjużi. Ma’ dawn insemmi wkoll l-ikel kollu tal-baħar bħal klamari, rizzi, qarnit, u l-bqija. Mhux biss ir-riħa tagħhom tirritani, imma anki t-tessut tagħhom, iktar u iktar meta nipprova ntegħemhom!
Hemm min żaqqu taqagħlu għall-bebbux, maħsul, imsajjar u mħawwar sewwa. Dan hu tip ta’ ikel ieħor li bosta oħrajn ma japprezzawx. Ma’ dan inżid platt tipiku bħalma hija l-kirxa.
Imbagħad hemm l-ikel eżotiku, eżattament dak li xi drabi naraw xi wħud jieklu jew biex jesperimentaw, jew bħala sfida waqt xi programm partikolari mimli avventuri. Kemm-il darba rajna l-protagonisti ta’ dawn il-programmi jduru xi suq Asjatiku tal-ikel u jduqu insetti differenti msajrin?! Kemm minna lesti nieklu xi wirdiena msajra jew dud ħaj mimli protejini?
Imbagħad hemm dik il-kategorija ta’ persuni li għamlu għażliet partikolari f’ħajjithom, bħal pereżempju l-veġetarjani li ma jiklux laħam, jew saħansitra l-vegani li jiddeċiedu li ma jieklu l-ebda ikel li ġej mill-annimali.
Liema huwa l-ikel li ma tikolx?