Liema passatemp għandek?
Il-ħajja mhix xogħol u xogħol biss. Tajjeb li jkollok hobby jew passatemp għax dan jgħin biex iżidlek l-hena u jagħmel lil ħajtek iktar interessanti u għanja. Attività bħal din tagħtina xi ħaġa divertenti x’nagħmlu matul il-ħin liberu tagħna u tgħinna nitgħallmu ħiliet differenti.
L-aħjar mod kif tipprattika passatemp hu billi tipprova xi ħaġa ġdida f’ħajtek. Dan mhux diffiċli ladarba llum id-dinja mimlija attivitajiet eċitanti li nistgħu nadottaw għalina nfusna u nesploraw. Hekk kif nsibu dak il-passatemp għal qalbna, diffiċli nitilquh. Isir parti minn ħajjitna tant li nibdew niddedikawlu bosta ħin.
Xi vantaġġi għaliex għandu jkollna passatemp huma dawn:
- Jgħinna nkunu iktar interessanti ladarba nitgħallmu iktar affarijiet, anki tagħrif speċjalizzat, li nkunu nistgħu naqsmuhom ma’ ta’ madwarna;
- Inaqqsilna l-livell ta’ stress ladarba jgħinna naljenaw ruħna mill-affarijiet li jegħjuna u jirrilassana;
- Jgħinna nakkwistaw valur importanti ħafna: il-paċenzja;
- Jista’ jgħinna nsaħħu l-ħajja soċjali tagħna, mela anki r-rabta mal-oħrajn, u dan anki permezz ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet apposta;
- Jgħinna nkabbru r-rispett u l-kunfidenza fina nfusna, ladarba hobby jgħinek anki jħossok kburi b’dak li tagħmel;
- Żgur li hobby jgħinek tiġġieled il-monotonija ladarba jżommok attiv u moħħok iffukat fuq xi ħaġa li tħobb tagħmel;
- Hobby iżid l-għarfien tiegħek kemm minn dak li taqra u titgħallem waqt li qed tipprattikah kif ukoll minn dak li tisma’ minn persuni li jħobbu l-istess hobby tiegħek;
- Passatemp jgħinna nikbru u narrikkixxu lil ħajjitna anki għax jgħinna nħarsu lejn il-ħajja minn perspettivi differenti, anki għax ilaqqagħna ma’ ideat u opinjonijiet differenti;
- Hemm ukoll is-sens ta’ sfida li passatemp joffrilna, ladarba ninvolvu ruħha fi ħwejjeġ ġodda u impenjattivi;
- “L-għażż missier il-vizzju” jgħid il-Malti. Passatemp jgħinna nżommu ’l bogħod minn ħwejjeġ li ma jagħmlulniex ġid u permezz tiegħu ma naħlux ħin prezzjuż.
Insemmi biss xi passatempi jew hobbies: il-qari, il-ġnien jew pjanti, ir-rota jew eserċizzju fiżiku ieħor, il-kitba, il-fotografija, it-tisjir, iċ-ċinema, il-kollezzjoniżmu f’rabta ma’ oġġetti differenti…
Hemm xi passatemp partikolari li inti tipprattika u li tħoss li jirrilassak?