Liema wġigħ idejqek l-iktar? X’tagħmel meta jaħkmek?

 Liema wġigħ idejqek l-iktar? X’tagħmel meta jaħkmek?

L-uġigħ, bħall-ferħ u s-saħħa, huwa parti mill-ħajja tagħna lkoll. Hemm l-uġigħ fiżiku li bosta jgħidu li jiżdied iktar kemm nikbru fl-età, imma anki l-uġigħ psikoloġiku u emozzjonali li jista’ jaħkimna sa minn meta nkunu żgħar.

Hawn se niffoka iktar fuq l-uġigħ fiżiku. Wieħed mill-iktar komuni hu l-uġigħ ta’ ras li jaf jaqbadna bħala konsegwenza ta’ bosta affarijiet: jaf ikun it-temp griż li bosta jinfluwenzana negattivament, l-ambjent li ninsabu fih mimli għajat jew storbju, jum diffiċli mimli xogħol li jegħjina b’nies li ma tantx immorru tajjeb magħhom, jew bżonn ta’ xi żjara għand it-tabib tal-għajnejn.

Hemm imbagħad uġigħ ieħor komuni: l-uġigħ taż-żaqq. Nafu nkunu kilna xi ħaġa li ma qablitx magħna l-jum ta’ qabel, jew esaġerajna meta sibna quddiemna xi buffet ma jispiċċa qatt. Hemm l-uġigħ li jġarrbu regolarment in-nisa darba kull xahar, xi ħaġa li l-irġiel m’għandhomx idea tiegħu, u min jaf jekk humiex kapaċi jissaportuh!

Aktar kemm nikbru aktar jaf jaħkimna wġigħ partikulari: l-artrite jew l-uġigħ fil-ġunturi tal-għadam li jista’ jiġi akkumpanjat ukoll minn sens ta’ ebusija meta tiċċaqlaq. Ismagħna ngħidu minn taħt l-ilsien jew ngħajtu “Ajma!” hawn u “Ajma!” hemm, hekk kif nibdew nimxu qisna dgħajsa fil-maltemp jew niċċaqalqu qisna bis-slow motion. Mhix sitwazzjoni tad-daħq assolutament! U liema wġigħ hu?

Hemm imbagħad uġigħ ieħor li ġieli nħossu kull tant żmien u kapaċi jinkwetana tant li niddeċiedu mmorru għand it-tabib tal-familja biex jekk hemm bżonn jirreferina għal xi test l-isptar. Qed nirreferi għal xi weġgħa li nħossu fiż-żona tal-qalb u li kapaċi taqtagħlna nifisna, jew xi nigża ’l hawn u ’l hinn li ġieli nħossu fiż-żona ta’ żaqqna jew iktar ’l isfel.

Kemm minna mbagħad inkunu mexjin jew niġġoggjaw u f’daqqa waħda bħal tiċċaqlaq xi għadma żgħira u tħassrilna l-gost kollu tant li nispiċċaw inzappu biex fl-aħħar ikollna nieqfu u ngħaddu xi ġimagħtejn bla eżerċizzju fiżiku biex nirkupraw?!

Insomma, tajjeb li nieħdu ħsieb saħħitna minn kmieni, imma niftakru li l-uġigħ irridu naċċettawh xi darba jew oħra.

Lilek x’uġigħ idejqek?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com