Il-bini u l-kostruzzjoni llum: bżonn jew problema?
Nafu li llum f’pajjiżna l-popolazzjoni qabżet in-nofs miljun persuna, u hemm xhur li matulhom, minħabba l-għadd kbir ta’ turisti li jiġu jżuruna, dan in-numru jikber ħafna iktar. Nofs miljun jew ftit iktar ma jidhirx numru kbir ħdejn pajjiżi Ewropej oħrajn li jgħaddu s-60 miljun, imma meta niftakru fiċ-ċokon taż-żewġ ġżejjer li ngħixu fuqhom nifhmu kemm pajjiżna huwa dens demografikament.
Hemm min bħal fehem il-bżonnijiet tas-sitwazzjoni preżenti – li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar deċennji – u beda jixtri l-art biex imbagħad jiżviluppaha fi blokok sħaħ ta’ appartamenti li bil-mod il-mod għamluh sinjurun. Imma ngħiduha kif inhi, biex tidħol għal biċċa xogħol bħal din trid tkun ta’ ċerta stoffa, mhux biss ikollok il-kapital, u trid tkun ukoll bniedem perseveranti u li taf tittratta sewwa mal-ħaddiema li trid minnhom.
Mal-medda tas-snin rajna li r-raba’ bdiet tiġi mikula bin-naqra n-naqra, l-irħula bdew jikbru biex saru bliet imissu waħda mal-oħra, u fejn qabel kien hemm irżiezet imferrxin fuq meded ta’ raba jew djar ta’ sular jew tnejn, illum l-ambjent inbidel drastikament tant li tħares fejn tħares tara blokok uniformi tal-brikks u konkrit għoljin mal-ħames sulari f’ċerti postijiet, u jaqbżu l-għaxar sulari fil-postijiet l-iktar milqutin u sfurtunati.
Issa, hemm min jgħidlek li dan huwa kollu frott il-progress u li ladarba l-popolazzjoni kibret allura l-industrija tal-kostruzzjoni hija bżonn sabiex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom fejn joqogħdu fil-ġejjieni. Oħrajn jgħidulek li esaġerajna bil-kbir, li għajnejn l-imprendituri hija ikbar minn żaqqhom, u li hemm bżonn soluzzjoni immedjata biex il-kostruzzjoni tnaqqas jew tieqaf ma ddumx.
Hu veru li l-kuntentizza ta’ poplu tiddependi minn kemm għandu flus fil-but u kemm għandu ħwejjeġ materjali li jaqduh? Għalkemm bosta għandna ċerti kumditajiet u saqaf fuq rasna, nistgħu ngħidu li aħna poplu verament kuntent? Min ma jiħux gost meta jixref mill-gallarija jara quddiemu s-sema miftuħ jew medda raba’ ħadra mifruxa quddiemu? Min ma jiħux gost iħares madwaru u ma jarax biss griż u għeluq?
Inti x’taħseb? Il-bini bżonn jew problema?