Mexxejja nisa fil-politika internazzjonali
Maż-żmien qed jiżdiedu n-nisa ta’ kariżma fil-qasam politiku internazzjonali. Fil-passat kellna nisa mexxejja bħal Golda Meir (Prim Ministru ta’ Israel bejn l-1969 u l-1974), Margaret Thatcher (Prim Ministru tal-Ingilterra bejn l-1979 u l-1990), Agatha Barbara (l-ewwel President Malti mara li serviet bejn l-1982 u l-1987), Angela Merkel (Kanċillier tal-Ġermanja bejn l-2005 u l-2021), u Marie-Louise Coleiro Preca (President ta’ Malta bejn l-2014 u l-2019). Illum il-President ta’ Malta, hi Myriam Spiteri Debono, l-ewwel mara Għawdxija eletta f’dan ir-rwol.
Fil-preżent l-ismijiet importanti fil-politika internazzjonali ma jonqsux. Roberta Metsola twieldet fl-1979, u ilha President tal-Parlament Ewropew sa minn Jannar tal-2022, jiġifieri sa minn meta kellha 43 sena. Hi l-iżgħar president li l-Parlament Ewropew qatt kellu u l-ewwel persuna Maltija li f’dan ir-rwol. Bħalissa qed taqdi t-tieni mandat tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew.
Ursula Gertrud von der Leyen twieldet fl-1958, hija politiku Ġermaniża (parti mill-Unjoni Kristjana Demokratica) u ilha sservi bħala President tal-Kummissjoni Ewropea sa mill-2019. Bħal Metsola hija parti mill-EPP jew Partit Popolari Ewropew u hija mara li għal iktar minn darba n-nies urew fiduċja fiha bħala politiku ta’ livell internazzjonali.
Giorgia Meloni ilha sservi bħala Prim Ministru tal-Italja sa mill-2022. Hija twieldet f’Ruma fl-1977, u hi l-ewwel Prim Ministru mara li l-Italja qatt kellha, u parti mill-partit Fratelli d’Italia (partit tal-Lemin). Fl-2023, Forbes ikklassifika lil Meloni bħala r-raba’ l-iktar mara b’saħħitha fil-qasam politiku dinji, u din is-sena Time magazine kkunsidraha fost l-iktar persuni influwenti fid-dinja.
Wara l-problemi ta’ saħħa li għaddej minnhom il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, qed tissemma ħafna Kamala Devi Harris (twieldet f’Oakland, Kalifornja, 1964), membru tal-Partit Demokratiku. Tista’ tkun il-President tal-Istati Uniti li jmiss. Bħalissa għandha r-rwol ta’ viċi-president, rwol li ilha sservi sa mill-2021. Hi l-ewwel mara f’dan ir-rwol fil-politika tal-Istati Uniti.
Mexxejja nisa oħra huma Mette Frederiksen (twieldet 1977), Prim Ministru tad-Danimarka, u Evika Siliņa (1975), Prim Ministru tal-Latvja.