Minn fejn ġejja l-“Bless you” meta nagħtsu?
Hija ħaġa normali li meta xi ħadd jagħtas ngħidulu “Evviva” jew “Bless you”. “Evviva” tfisser bejn wieħed u ieħor “Jalla tgħix!”
Minn fejn ġejjin espressjonijiet bħal dawn? Mhumiex biss espressjonijiet li tgħallimna mingħand ommna biex inkunu edukati, anki jekk xi drabi min jagħtas jista’ jagħtina fastidju kemm bil-mod kif jagħtas kif ukoll għax nifhmu li jista’ jbellgħalna xi riħ.
Hemm min jgħid li “Bless you” kienet diġà teżisti fil-Medjuevu meta l-livell tal-iġjene ma kienx jeżisti u min kien jagħtas kien sinjal li seta’ kien marid. Għalhekk dak li kien jinsab qrib min jagħtas kien jawguralu li ma maradx permezz tal-“Bless you”.
Oħrajn jemmnu li din l-espressjoni oriġinat f’Ruma meta l-Ewropa kienet qed tbati l-konsegwenzi tal-pesta bubbonika. L-għatis kien wieħed mis-sintomi u għalhekk Papa Gregorju I issuġġerixxa li tingħad bħal talba qasira tip “Alla jbierkek” wara li xi ħadd jagħtas biex il-persuna tkun protetta kontra l-mewt.
Twemmin iktar antik kien jgħid li għatsa kapaċi tkeċċi r-ruħ mill-ġisem ta’ dak li jkun sakemm Alla ma jberkikx u jipproteġik kontra dak li jseħħ. Kulturi oħrajn kienu jemmnu li meta nagħtsu nkunu qed neħilsu minn ġo fina spirti ħżiena u b’hekk inqiegħdu fil-periklu lil persuni qrib tagħna billi jidħlu fihom dawn l-istess spirti ħżiena. F’dan il-każ il-“Bless you” kienet tipproteġi lil dak li jkun kontra l-ispirti ħżiena.
Superstizzjoni oħra kienet dik li tgħid li qalbek tieqaf meta tagħtas u allura l-“Bless you” kienet tgħin lil min jagħtas jerġa’ lura mid-dinja tal-mejtin.
Illum tajjeb li ngħidu “Evviva” jew “Bless you” aktar u aktar wara l-perjodi reċenti u ikrah li għexna matul il-pandemija tal-Covid-19.
Bit-Taljan jgħidu “Salute” biex lil min jagħtas jawgurawlu s-saħħa, imma anki bħala mod kif tbiegħed il-mard minn dak li jkun.
Ma ninsewx: jiddependi minn dak li jkun qed jagħtas. Bla ma rridu xi drabi nafu nwieġbu “Ja annimal!” wara xi ħadd li joħroġ b’għatsa salvaġġa u bla kontroll.
Inti kif twieġeb meta xi ħadd jagħtas?