Minn xiex kont tibża’ meta kont żgħir, u min xiex tibża’ llum?
Il-biża’ hija emozzjoni spjaċevoli li nħossu meta niġu mhedda minn periklu, uġigħ jew ħsara li jistgħu jseħħulna. Hemm min meta jiġi wiċċ imb wiċċ mal-biża’ jibqagħlek wieqaf qisu statwa, u hemm minn bil-kontra, kif iħoss din is-sensazzjoni jaf jitlaq jiġri bla ma jaf eżattament fejn sejjer.
Il-biża’ hija ħaġa normali u esperjenza li ngħaddu minnha sa minn meta nkunu għadna żgħar. Liema setgħu kienu l-beżgħat tagħna meta konna żgħar? Hemm min jgħidlek li bħala tifel jew tifla kien jibża’ mill-klieb. Oħrajn kienu jiksħu malli jsibu ruħhom fi dlam ċappa. Beżgħat oħra kienu dawn: li tibqa’ waħdek, li tinqafel ġo xi kamra bla ma tista’ toħroġ minnha, mill-belliegħa jew mir-raġel tal-ixkora, imma forsi biża’ li jsemmu bosta kienet dik ta’ xi għajta jew xebgħa ċintorin mill-ġenituri! Forsi hemm min jgħidlek li l-emozzjoni tal-biża’ meta kien żgħir kienet taħkmu meta jmur l-iskola, u dan minħabba raġunijiet differenti: il-fatt li jitbiegħed mill-ġenituri li joffrulu sens ta’ protezzjoni, kwistjoni ta’ bullying, xi għalliem jew għalliema li kellhom leħen oħxon jew jgħajjat?
Xi wħud mill-beżgħat tat-tfulija nistgħu nibqgħu nġorruhom magħna anki meta nikbru: kemm minna għadhom jibżgħu mill-klieb? Imbagħad hemm adulti li jibżgħu mill-ġrieden, mill-wiżgħat, u mill-wirdien, mill-għoli, mill-possibiltà li jista’ jieqaf il-lift li nkunu fih, mid-dlam, mill-folol jew mill-possibiltà li jidħlulna d-dar biex jisirquna, mill-baħar fond, mill-ajruplan, mill-postijiet magħluqin.
Hemm saħansitra ismijiet partikolari għal ċerti beżgħat:
- Klawstrofobija – il-biża’ minn postijiet magħluqin;
- Araknofobija – il-biża’ mill-brimb;
- Akrofobija – il-biża’ mill-għoli;
- Agrofobija – biża’ mill-postijiet affullati;
- Entomofobija – il-biża’ mill-insetti;
- Ergofobia – il-biża’ mix-xogħol;
- Fotofobija – il-biża’ mid-dawl;
- Skifofobija – il-biża’ mill-bram;
- Takofobija – il-biża’ mill-veloċità;
- Vaċċinofobija – il-biża’ mill-vaċċini;
- Xenofobija – il-biża’ mill-barrani jew minn min ma tafx;
- Żufobija – il-biża’ mill-annimali.
Inti tbati minn xi waħda minn dawn il-beżgħat? Minn xiex tibża’ iktar?
Kif tista’ ttaffi xi ftit mill-beżgħat tiegħek?:
- Ieqaf, aħseb, u ħu ftit nifsijiet ’il ġewwa sabiex ma tinħakimx mill-paniku;
- Aħseb f’post sabiħ li jnissel fih hena;
- Tkellem ma’ ħaddieħor dwar il-beżgħat tiegħek.