“Nipprova nsib 30 minuta kuljum biex immur niġri”…Ara l-VIP Date ġdida
Wasal episodju ieħor ta’ VIP Date, magħna ta’ Stradarjali, fejn laqqajna lil żewġ ġurnalisti lokali, Chris Micallef li huwa ġurnalist tal-isport u lil Norma Saliba, eks-ġurnalista u li issa hija l-Kap Eżekuttiv għaċ-Ċentu tal-Ilsien Malti.
Huma ltaqgħu għand Il-Veduta, fir-Rabat, fejn kielu varjetà ta’ ikel filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.
Norma spjegat kif il-karriera tagħha fil-ġurnaliżmu bdiet propju bħala ġurnalista tal-isport, partikolarment grazzi għal missierha li huwa veteran fil-ġurnaliżmu tal-isport. Hu kien joħodha miegħu u b’hekk drat issegwi kull tip ta’ sport. Sostniet li minkejja li bħalissa mhux qed taħdem fil-ġurnaliżmu, ma teskludix li tirritorna. “Meta titwieled ġurnalist, tmut ġurnalist,” insistiet hi.
Tkellmu dwar il-lingwa fejn Chris spjega li l-Malti hija l-lingwa li l-aktar jikteb biha, madanakollu dan l-aħħar sab lilu nniffsu jħossu aktar komdu jesprimi ruħu bl-Ingliż. Qal li joqgħod attent meta jkun qed jippreżenta biex ma toħroġlux xi kelma bl-Ingliż. Norma qalet li min ikun ippreparat dejjem isib il-kelma opportuna. Qalet li dejjem kienet tħobb il-lingwi u minn dejjem kellha l-passjoni biex tesprimi ruħha bil-lingwa Maltija.
Huma qablu dwar il-fatt li minkejja li l-ġurnalisti jkunu ġejjin minn kmamar tal-aħbarijiet differenti u allura huma kompetituri, xorta waħda jaħdmu flimkien. Norma qalet li s-settur tal-ġurnaliżmu ma jimxix jekk ma jaħdimx flimkien. Chris qal li mhux vera hemm din ir-rivalita li ħafna jsemmu.
Tkellmu wkoll dwar it-tipi ta’ sport li jipprattikaw huma. Norma qalet li hi tipprova ssib 30 minuta kuljum biex tmur tiġri. Chris qal li hu ġieli jilgħab ftit futbol imma ma jirnexxielhux jispiċċa logħba sħiħa.
Lejn l-aħħar tal-VIP Date, tkellmu wkoll dwar is-saħħa mentali u kemm hawn persuni li għaddew minn problemi ta’ saħħa mentali fejn uħud saħansitra wettqu suwiċidju. Chris qal li f’Malta mhux qed isir biżżejjed biex titqajjem kuxjenza. Norma qalet li tħoss li bil-ħajja mgħaġġla tal-lum il-ġurnata u anke l-impatt tal-Covid, is-saħħa mentali ħadet daqqa ta’ ħarta. Norma qalet li l-isport jista’ jkun ukoll parti mill-kura għal problemi ta’ saħħa mentali.
Skopru aktar fuq dan il-video.
Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].