Qatt iċċekkjajt l-iscreen time tiegħek?

 Qatt iċċekkjajt l-iscreen time tiegħek?

Dan il-mowbajl x’għamlilna?! Kulma hu biċċa apparat ċatt qisu gallettina u kbir daqs portmoni, imma għandu bosta funzjonijiet li sa ftit deċennji ilu qatt ma ħlomna li se jkunu kollha ġo spazju daqstant żgħir: telefown, internet, radju, mużika u videos, televixin, arloġġ, djarju u kalendarju, pjattaforma minn fejn tista’ tara għażla illimitata ta’ prodotti, tagħżel u tixtri… u ħafna iktar.

Persuni ta’ ċerta età jistgħu jagħmlu paragun bejn kif kienet il-ħajja qabel ma dan l-aġġeġġ daħal sewwa f’ħajjitna. Bosta oħrajn twieldu u kibru proprju fl-era tal-mowbile u għalhekk spiċċaw jiddependu minnu tant li allaħares jitilfuh, jiġi danneġġjat jew jispiċċa bla charge għax taqa’ d-dinja u jispiċċaw ma jafux x’se jagħmlu!

Narawhom wiċċhom ’l isfel jiċċassaw lejn l-iskrijn tal-mowbajl huma u mexjin fuq il-bankina, neżlin it-taraġ, jaqsmu t-toroq, bejn lezzjoni u oħra jew waqt l-istess lezzjonijiet, xi wħud anki waqt li qed isuqu!

Għajnejna fl-iskrijn diġà kif nistenbħu filgħodu biex niċċekkjaw jekk daħlux xi messaġġi ġodda, x’aħbarijiet setgħu nqalgħu, x’videos jew ritratti bagħtu l-familjari u ħbieb tagħna. Arana neħlu fuq Tik Tok, jew Facebook, jew Instagram, jew midja soċjali oħra, meta nkunu fil-kamra tal-banju sakemm xi ħadd jibda jħabbat mal-bieb u joħroġna mill-istat ipnotiku li nkunu fih.

Xi drabi aħna stess nindunaw u nistagħġbu bina nfusna kemm inkunu għaddejna ħin inħarsu lejn l-iskrijn naraw bosta drabi ħmerijiet: il-qattusa li waqgħet fil-pool u bdiet taqbeż qisha żrinġ, iċ-ċiwawwa jimxi fuq żewġ saqajn liebes ta’ tarbija, it-tfajla tiżżegleg u tippoża donnha xi stilla taċ-ċinema, il-ġuvni jisserdaq bis-six pack jew bit-tattoo ġdid li għamel fuq ġismu.

Nibqgħu niċċassaw lejn l-iskrijn tal-mowbajl anki meta nkunu qed nieklu mal-familjari jew ħbiebna. Hu proċess li jaħkimna anki sa tard billejl, minkejja li għajnejna jkunu għejew tassew, ħmaru u jdemmgħu!

Biex inkunu nafu kemm qattajna sigħat screen time hemm applikazzjoni apposta fil-mowbajl tagħna. Tiegħi insibha fit-taqsima “Digital Wellbeing and Parental Controls” fis-Settings. Hemm min jaqbeż it-8 sigħat screen time!

Inti għandek dil-problema?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com