Meta ssiefer tippreferi bliet jew natura?
Is-safar joffrilna xi ftit mistrieħ mir-rutina tax-xogħol, u joħroġna lil hinn miċ-ċokon u l-limiti tal-gżejjer li ngħixu fuqhom. Min jaf kemm-il darba meta nkunu ħdejn il-baħar inħarsu lejn l-orizzont jew lejn is-sema hekk kif nisimgħu ajruplan għaddej, u nixtiequ li konna ’l bogħod minn dawn xtutna, anki biex invarjaw ftit l-ambjent li ngħixu fih.
Fost id-destinazzjonijiet li aħna l-Maltin infittxu żgur hemm il-bliet ewlenin tal-Ewropa. Fuq quddiem nett infittxu spiss bliet bħal Ruma, Londra, Pariġi, Vjenna, Praga, Madrid, u Lisbona. Ħafna minna jkunu qed jistennew dak il-waqt meta jżuru bliet bħal dawn, jimxu max-xmajjar ewlenin tagħhom, jaraw u jidħlu fil-katidrali u l-knejjes storiċi tagħhom. Oħrajn ifittxu l-mużewijiet varji li jkun hemm f’dawn l-ibliet: mużewijiet tal-arti, tal-istorja, tax-xjenza, tal-istorja naturali, u anki oħrajn li jistgħu jkunu iżgħar u inqas magħrufa bħal mużewijiet tal-folklor, tradizzjonijiet u drawwiet, jew oħrajn marbutin mal-ħajja ta’ personaġġi famużi bħal mużiċisti, kittieba u oħrajn.
Hemm min iħobb il-bliet anki biex iżur il-palazzi jew ġonna mill-isbaħ, mibnijin mill-familji rjali tal-post. Kemm funtani, kemm fjuri, kemm statwi, kemm siġar u ħdura rranġati b’tali mod li min iżurhom jibqa’ b’ħalqu miftuħ u ma jinsihom qatt!
Oħrajn iħobbu l-bliet għax jaf li hemm isib il-ħwienet favuriti tiegħu, u ħallih jew ħallieha jduru minn rokna għall-oħra sakemm isibu l-handbag, żarbun, libsa jew affarijiet oħra għal qalbhom, daqqa bi prezzijiet vantaġġjużi u daqqa bi prezz għoli tant li ma jonqosx il-ftaħir ladarba nirritornaw lura Malta.
Imbagħad hemm min jippreferi jżomm ’il bogħod mill-bliet u jfittex l-ispazji naturali miftuħin u wiesgħa sakemm tagħti l-vista. Dawn jitpaxxew bix-xenarji naturali li jafu joffru l-muntanji, il-foresti, l-għadajjar, ix-xmajjar u l-parkijiet naturali. Xenarji bħal dawn jafu jpaxxu l-għajn u jserrħu lir-ruħ.
Kemm minna ninsew kull problema, inwarrbu l-lingwaġġ żorr u baxx li drajna nużaw ta’ kuljum, u nħossuna mistrieħa u eħfef meta niġu wiċċ imb wiċċ ma’ xenarji mill-isbaħ bħal dawn?
Hemm xi post li żort barra minn Malta li ma tinsieh qatt?