Settembru: xi jfisser għalik?
Dħul Settembru u bosta jkunu diġà qed jgħidu li s-sajf spiċċa bħalma spiċċaw il-btajjel tal-iskola, il-jiem ħdejn il-baħar, il-gost fuq id-dgħajsa madwar il-gżejjer Maltin, il-jiem twal ta’ dawl u l-ħruġ filgħaxijiet bla biża’ ta’ maltemp, il-barbeques ħdejn il-baħar jew fuq il-bjut, u l-bqija.
Għal xi wħud Settembru jkun għadu x-xahar adatt biex jagħmlu xi safra barra minn Malta, bla ma jkunu laħqu l-agħar staġun meta t-turisti jaffullaw u jifqgħu l-bliet Ewropew ewlenin u l-prezzijiet tal-lukandi jkunu ogħla.
Għal bosta, l-iktar l-ommijiet, Settembru jfisser preparamenti għal sena ġdida ta’ skola min-naħa ta’ wliedhom. Arahom jippreparaw l-uniformijiet, inklużi żraben ġodda kemm ta’ kuljum kif ukoll tal-isport, il-kotba, il-pitazzi, oġġetti ta’ stationary neċessarji oħra, u l-basket tal-iskola. Apparti l-iskola bosta ġenituri jkunu qed jaħsbu wkoll fl-attivitajiet extrakurrikulari li wliedhom se jkunu qed jagħmlu matul is-sena akkademika l-ġdida.
Settembru jġib miegħu l-aħħar festi tas-sajf. Apparti l-festi tal-parroċċi differenti Settembru jfakkar żewġ festi nazzjonali kbar: it-8 ta’ Settembru, fejn titfakkar il-Festa tal-Bambina, imma anki r-rebħa tal-Assedju l-Kbir tal-1565, u l-21 ta’ Settembru, fejn infakkru Malta Indipendenti. Din is-sena qed niċċelebraw proprju s-60 sena minn mindu Malta saret indipendenti.
Għal Settembru nkunu qed nistennew l-ewwel maltempati. Allura bosta jaraw li l-bjut u l-katusi jkunu mantenuti sewwa sabiex meta tagħmel l-ewwel xita li spiss tkun abbundanti. F’xi toroq isiru xi xogħlijiet importanti bħat-tindif tal-ispralli minn karti, weraq u ħmieġ ieħor sabiex meta tagħmel ix-xita l-ilma jibqa’ għaddej bla ma jgħarraq imkien. Xogħol bħal dan għandu jsir regolarment u kullimkien jekk jista’ jkun ħalli ħadd ma jbati l-konsegwenzi koroh li xi drabi naraw fl-aħbarijiet lokali.
Personalment Settembru huwa x-xahar li jġagħalni nħoss ċerta diqa ladarba niftakar li quddiemi se tibda sena oħra ta’ rutina magħmula minn qawmien kmieni filgħodu, sewqan, traffiku, xogħol, lura d-dar, u l-jum ikun kważi spiċċa. U dan jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa u xahar wara xahar, b’xi waqtiet sbieħ bħall-Milied, il-btajjel nazzjonali u l-Għid li joffru ftit mistrieħ.
Xi jfisser Settembru għalik?