SGE: Tislima lil wieħed mill-aqwa kontributuri tal-futbol

 SGE: Tislima lil wieħed mill-aqwa kontributuri tal-futbol

Id-dinja tal-futbol tilfet persunaġġ importanti, Sven-Göran Eriksson. Kull min isegwi dan l-isport u b’mod partikolari jissapportja l-futbol Ingliż jaf li t-telfa ta’ Eriksson hija telfa li ġġib swied ta’ qalb. Erikkson twieled fl-1948 ġewwa l-Isvezja u kien l-ewwel maniġer barrani li mexxa t-tim Ingliż.

Mill-2001 ħadem mill-qrib ma’ wħud mill-aqwa stilel tal-futbol Ingliż fosthom, David Beckham, Steven Gerrard, and Wayne Rooney. Minn barra it-tim Ingliż, Eriksson ikkowċċja wkoll f’pajjiżi oħra barranin. Huwa mexxa t-timijiet ġewwa l-Isvezja, l-Italja, il-Portugall, il-Messiku, il-Kosta tal-Avorju, it-Tajlandja, iċ-Ċina, fl-Arabja Sawdita u anke fil-Filippini.

Kien f’Jannar ta’ din is-sena stess li SGV iddikjara li kellu kanċer fil-pankrejas. Huwa kien stqarr li t-tobba tawh sena ħajja u li hu kien lest li jagħmel l-aħjar possibbli sabiex jAgħix bl-aqwa mod il-ftit żmien li fadallu. Ilbieraħ, 26 ta’ Awwissu, fl-età ta’ 76 sena, SGE ħalla din id-dinja mdawwar mill-qraba tiegħu.

Kienu l-ħafna l-persunaġġi u l-entitajiet li taw kliem ta’ tifħir lil dan il-kowċ fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali. Beckham, l-ex-player tat-tim Ingliż jiddeskrivi lil Eriksson bħala ġentlom u bniedem li dejjem kien kalm u mogħni b’passjoni kbira. Miegħu qasam ħafna mumenti importanti ta’ ferħ u ta’ dieqa. Beckham jgħid ukoll li dejjem ser jibqa’ grat lejh talli kien għażlu bħala l-kaptan tat-tim u li ser jibqa’ jżomm f’moħħu l-aħħar ġranet tiegħu għal dejjem.

Il-Prinċep ta’ Wales jistqarr li kull darba li kien jiltaqa’ miegħu dejjem kienet tispikka fih l-imħabba lejn l-isport u s-sens kariżmatiku tiegħu. Anke it-tim tal-AC Milan jgħaddi l-aħħar kummenti tiegħu u jgħid li l-kowċ Svediż ta kontribut qawwi fid-dinja tal-futbol u li n-nuqqas tiegħu ser ikun qed jinħass.  

Waqt dokumentarju li kien tħejja fuqu dan l-aħħar, Eriksson kien esprima x-xewqa li l-irmied tiegħu jintefgħu fil-viċinanzi ta’ Lake Fryken, post qrib il-belt fejn twieled. Huwa kien qal li dan il-post jagħtih ċertu sens ta’ kalmizza u allura m’hemm l-ebda lok aqwa minn dan biex ikun jista’ jistrieħ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com