Taf x’inhuma l-“unhappiness leave” u r-“rage room”?
Kemm minna nagħmluha tabirruħna li ma nifilħux, inċemplu sick, biex ma mmorrux xogħol u niggwadanjaw jumejn mistrieħ id-dar anki jekk fiżikament inkunu b’saħħitna? Għaliex meta nkunu imdejqin għandna xorta mmorru naħdmu? U kemm se nkunu produttivi jekk inkunu imdejqin?
Fiċ-Ċina hemm min ħareġ bl-idea tal-“unhappiness leave” proprju biex meta l-ħaddiema jħossuhom imdejqin jibqgħu d-dar bla ma jitilfu mil-leave jew sick leave tagħhom. Dan jgħin lill-ħaddiema jgħixu ħajja iktar sana u rilassata u bħala konsegwenza huma jkunu iktar kuntenti meta jirritornaw fuq il-post tax-xogħol u jipproduċu aħjar.
Dan ifisser li x-xogħol ma jagħmilx kuntenti? Forsi jista’ joffri sodisfazzjon jew hu interessanti għal xi wħud, imma rarament hu okkażjoni li tagħtik bażż. U liema attività li nħobbu nagħmlu ma tibdiex iddejjaqna meta ssir ix-xogħol li bih naqilgħu il-ħobża ta’ kuljum?
L-istatistiċi juru li 6 minn kull 10 persuni jħossuhom stressati, kemm studenti kif ukoll ħaddiema. Dan minħabba s-sens ta’ kompetizzjoni li ħakem ħajjitna u l-fatt li qatt ma nħossuna sodisfatti u għalhekk nibqgħu naħdmu bla mistrieħ.
Hemm soluzzjoni oħra għal problema bħal din. Jisimha “rage room” u hija forma alternattiva ta’ terapija li tgħinek 1. tnaqqas mill-istress u 2. tieħu gost u tiddeverti. Din hija kamra apposta fejn toħroġ u tiżvoga r-rabja msakkra ġewwa fik f’ambjent sigur u kkontrollat. Kif? Billi tkisser kemm ifettillek affarijiet li ssib quddiemek.
Trid tilbes ħwejjeġ speċjali li jipproteġuk u tingħata oġġetti differenti li tista’ tkisser, twaddab jew teqred kompletament. B’hekk teħles minn frustrazzjonijiet li jkunu ilhom jinġemgħu fik minjaf minn kemm qabel, u dan permezz tal-attività fiżika.
Ir-rage rooms:
- Jagħtuk opportunità tipprattika l-mindfulness u ssir taf aħjar lilek innifsek billi tifhem aħjar l-emozzjonijiet tiegħek u titgħallem timmaniġjahom aħjar;
- Permezz tal-attività fiżika ġisimna jipproduċi endorfini li jservu bħala boosters tal-burdata naturali;
- Jgħinu biex iċ-ċirkulazzjoni tad-demm f’ġisimna titjieb u dan iġagħalna nħossuna aħjar, daqslikieku sirna żgħażagħ mill-ġdid.
Liema minn dawn iż-żewġ sistemi tippreferi biex tnaqqas ftit mill-istress ta’ fuq il-post tax-xogħol?