Tbati minn self-esteem baxx?

 Tbati minn self-esteem baxx?

Żgur li mhux l-ewwel darba li mingħajr ma rridu nħarsu lejn ħaddieħor u nqabblu lilna nfusna ma’ dik il-persuna. Jista’ jkun li ħafna minnha mhux biss nagħmlu paragun imma saħansitra nħossuna li m’aħniex biżżejjed jew li m’għandniex l-istess valur bħal ta’ ħaddieħor. Li nitqabblu ma’ xulxin ma fiha xejn ħażin. Il-problema tfeġġ fil-mument li nħallu  l-piż tal-paragun jirkibna. Li individwu jidentifika (jaċċetta) li jbati minn self-esteem baxx huwa l-ewwel pass sabiex ikollu ċ-ċans itejjeb il-fiduċja fih innifsu imma wkoll biex jissaħħaħ psikoloġikament.

Xi jfisser self-esteem baxx?

Meta jkollok is-self esteem baxx ifisser li l-perċezzjoni tiegħek innifsek hija waħda negattiva. Il-viżjoni negattiva tagħna nfusna tista’ timmanifesta ruħha f’waqtiet differenti ta’ ħajjitna. L-iktar mumenti komuni iżda huma dawk il-fażijiet fejn inħallu ħsibijet koroh jiddettaw il-mod ta’ kif nibnu l-ideat tagħna. Dawn it-tip ta’ ideat jinkludu ħsibijiet bħal: “M’iniex tajjeb biżżejjed”, “Jien falliment” jew inkella “Kemm inħossni inutli”. Kull darba li jkollna dawn il-ħsibijiet u nispiċċaw nirrepetuhom, inkunu dejjem qed inkattru l-attitudni li aħna m’aħniex adegwati.  Għaldaqstant, meta s-self-esteem  ikompli jitbaxxa, faċilment tinbidlilna l-burdata u nispiċċaw inżidu fuqna ansjetà żejda.

X’inhuma l-iktar sinjali komuni li juru li persuna jkollha self-esteem baxx?

Normalment, persuna b’self-esteem baxx:

  • Ikollha diffikultà biex tesprimi l-ideat personali biex tevita li tesponi lilha nnifisha
  • Għandha t-tendenza li tippreferi toqgħod waħedha jew li tkun ma’ ftit nies
  • Tikkritika lilha nnifisha b’mod eċċessiv
  • Tinkwieta l-ħin kollu li tkun għamlet xi żball

Dan kollu jista’ jġib konsegwenzi oħra fosthom:  nuqqas ta’ rqad, attakki ta’ paniku, vizzjijiet koroh u sensazzjonijiet ta’ disprament.

Kif tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni?

Biex wieħed itejjeb is-self-esteem tiegħu jrid jgħin ruħu sabiex ikeċċi kemm jista’ jkun il-ħsibijet negattivi. Xi azzjonijiet li jistgħu jgħinu –

  1. Iffoka fuq dak li għandek u mhux fuq li m’ għandekx
  2. Ħares spiss lejn il-mera u rrepeti affarijiet sbieħ dwarek innifsek
  3. Aqra aktar dwar dan l-argument
  4. Kun af aktar lilek innifsek
  5. Iċċelebra l-kisbiet tiegħek anke jekk forsi jkunu żgħar

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com