Tħalli l-ac mixgħul il-ġurnata kollha?
Bosta jaħsbu li jaqbillek tħalli l-ac mixgħul il-jum kollu. Imma l-verità hija li dan se jwassal għal konsum akbar tal-enerġija u bħala konsegwenza kontijiet tal-elettriku ogħla. Hemm min isostni li biex niffrankaw fuq il-kont tal-elettriku aħjar ngħollu ftit it-temperatura tal-ac jew nitfuh meta ma nkunux id-dar jew matul is-sigħat meta nkunu reqdin.
Min-naħa l-oħra jekk inħallu l-ac mixgħul il-ġurnata kollha hemm iċ-ċans li bħala apparat iservi iktar. Tajjeb li niftakru li l-ac hu differenti mill-kompressur, għalkemm it-tnejn flimkien huma sistema waħda. Ladarba l-ac jilħaq it-temperatura ideali fil-kamra allura l-kompressur għandu jintefa’ waħdu u jistrieħ.
Hemm min jissuġġerixxi li żżomm l-ac tiegħek fuq l-awto sabiex il-fann tiegħu ma jibqax għaddej il-jum kollu u b’hekk tiffranka l-enerġija u l-flus. L-ac ikollu bżonn jistrieħ kultant żmien ukoll. Iċ-ċiklu ta’ kemm idum jaħdem jiddependi mis-settings tat-termostat. Ladarba l-ac ilesti ċiklu li jdum bejn 15 u 20 minuta, allura għandu jistrieħ bejn 7 u 10 minuti. Dan jgħin biex l-ac – li jieqaf bejn darbtejn u tlitt darbiet fis-siegħa – jiksaħ.
L-esperti jgħidu li l-aħjar temperatura biex torqod hija dik bejn il-15 u d-19 grad selsjus, imma dan jiddependi mill-individwu. Minkejja li hawn Malta s-sjuf huma kiefra bħala sħana u umdità, ċert li dawn it-temperaturi jinħassu baxxi ħafna minn bosta li jispiċċaw biex jitgħattew. Allura, jekk se titgħatta għaliex tħalli l-ac mixgħul? F’dal-każ li nistgħu nagħmlu hu li nużaw it-timer u nagħtuh siegħa sakemm norqdu. Jekk imbagħad nerġgħu nqumu iktar tard matul il-lejl nistgħu nerġgħu nagħtu siegħa oħra timer lill-ac.
Niftakru wkoll li jekk norqdu bl-ac għaddej il-ħin kollu, dan jista’ jwassal biex jinxfu kemm il-ġilda tagħna kif ukoll għajnejna. Jista’ jaqbadna l-ħakk u l-ġilda tagħna trabbi l-qxur.
Għal pajjiż li jinsab fiż-żona sub-tropikali Mediterranja, it-temperatura tal-ac ideali hija bejn it-22 u s-26 grad selsjus.
Niftakru wkoll li hu importanti li niftħu l-ac u nnaddfu l-filters regolarment għax jekk le jitlef ħafna mill-effiċjenza tiegħu. Hi idea tajba wkoll li nirriċiklaw l-ilma li joħroġ minnu.