Tifkiriet tat-tfulija għal qalbi
Xi darba konna tfal u bosta minna llum ħallina nħarsu lura b’ċerta nostalġija u ngħidu kemm id-dinja nbidlet u kemm ċerti affarijiet ma nerġgħu ngħaddu minnhom qatt.
Kull wieħed u waħda minna għaddejna minn esperjenzi differenti fi tfulitna. Bosta konna ngħixu fl-irħula u għalhekk min jaf kemm qattajna sigħat nilagħbu fl-għelieqi tal-madwar. Oħrajn konna ngħixu qrib il-baħar is-sena kollha jew inkella konna mmorru villeġġjatura ħdejn il-baħar fix-xhur sajfija u għalhekk sirna ħaġa waħda ma’ dan l-element naturali li jdawwar lil pajjiżna.
Jgħidu li l-ħajja kienet timxi b’ritmu inqas mgħaġġel u l-familja kienet tqatta’ iktar ħin flimkien. Bosta minna qattajna sigħat u anki jiem twal man-nanniet tagħna. Min jaf kemm smajna stejjer minn tagħhom, min jaf kemm tgħallimna minn dak li rrakkontawlna, anki dwar iż-żmien bikri ta’ meta huma stess kienu tfal fil-bidu tas-seklu 20.
Liema tifkiriet ta’ tfulitna ngħożżu l-iktar?
Jgħaddu minn moħħi l-jiem li konna nqattgħu nilagħbu jien, ħija u t-tfal tal-kwartier tagħna fl-għelieqi qrib id-djar tagħna. Konna nieħdu xi kaxxi tal-kartun mormija minn stabbiliment li kien jimporta affarijiet għad-dar, u bihom nibnu kampijiet, niftħulhom bibien u twieqi żgħar, u meta jfettlilna nilagħbu tal-cowboys u l-indjani. Ġieli qlajna xi daqqa ta’ ġebla fuq rasna u ħarġilna bosta demm, ġieli daħħalna xi musmar imsaddad f’saqajna biex wara kellna nieħdu t-titqiba tat-tetnu.
Niftakar il-jiem li kont inqatta’ għand in-nanna jew għand iz-zija t’ommi. Ma ninsa qatt il-bitħa żgħira li kellha z-zija, bil-bokka tal-bir li minnu kont intella’ l-ilma f’landa żgħira, u x-xitla tal-ward li dejjem kienet tagħmel fjur aħmar sabiħ minkejja r-rokna żgħira li kienet tinsab fiha. Ma ninsiex il-bitħa mimlija pjanti differenti – galletti, xuxa, tal-flus, spider plants, ilsien in-nisa, filodendru – tan-nanna. Kemm qattajt żmien insaqqihom u niżborhom. U hemm kien il-post għad-dell fejn min jaf kemm qrajt kotba għall-kwiet.
Min ma jiftakarx l-ikel li ta’ tfal li konna l-ġenituri kienu jġibu magħhom meta konna nqattgħu jum sħiħ ħdejn il-baħar? Dak il-bżar aħdar biż-żalza u l-ħobża Maltija!