Timmaġina lil Ron Weasley jagħmel dan ix-xogħol?
Rupert Grint, l-attur li jagħmilha ta’ Ron Weasley fis-serje ta’ films ta’ Harry Potter, uża ftit mill-flus li qala’ biex jaqta’ xewqa li kienet ilha tinħema fih minn tfulitu. Jekk ma tkunx taf, mhux se taqta’ x’inhi kif ġieb u laħaq.
It-tliet protagonisti tal-films, jiġifieri Daniel Radcliffe, Emma Watson u Grint, kienu diġà miljunarji qabel għalqu t-tmintax-il sena u għadhom idaħħlu l-flus sal-lum, ir-royalties. Żgur li m’għandhomx għalfejn iħabblu rashom biex jaħdmu ħalli jaqilgħu l-għejxien tagħhom. Minkejja li Grint kien l-inqas wieħed li daħħal minnhom it-tlieta, qala’ mal-€44 miljun biex interpreta l-karattru ta’ Ron Weasley fit-tmien films.
Minn mindu kien żgħir, Grint minn dejjem xtaqt li jkollu vann tal-ġelati u uża ftit minn ġidu biex jarma wieħed.
Allura Grint, attur famuż u miljunarju, idur bil-vann tal-ġelat u jaqdi lin-nies? Iva! Minkejja li mhux xogħlu ta’ kuljum, l-hena tiegħu li, jekk ikollu ftit ħin liberu, isuq bil-vann fl-irħula biex jiltaqa’ ma’ gruppi ta’ tfal u jagħtihom il-ġelati b’xejn. Tistgħu tobsru kif jibqgħu imbellhin dawn it-tfal meta jaraw lil Ron Weasley fil-vann iservihom il-ġelat; fil-fatt, jgħid li jistaqsuh ħafna jekk huwiex il-karattru tant popolari.
Episodju li baqa’ f’moħħu kien li darba minnhom, fil-bidu, daħal f’parkeġġ bil-vann biex idawwar u ma kellux ġelat biex jaqdi lit-tfal. F’intervista li ta jgħid li tgħallem mill-esperjenza u dejjem jaħżen ħafna kwalitajiet differenti ta’ ġelati biex ma jiddiżappuntax tfal.