Timmaġina tempju fejn tadura lill-ġrieden?!
Dan mhux artiklu għal dawk li huma tterrorizzati mill-ġrieden, kemm jekk ġrieden żgħar jew kbar, ladarba hawn se nittratta dwar spazju fejn eluf ta’ ġrieden huma indukrati daqslikieku kienu annimali domestiċi.
Qed nirreferi għat-Tempju tal-Ġrieden jew it-Tempju ta’ Karni Mata li jinsab fit-tramuntana tal-Indja fil-belt ta’ Deshnoke li tinsab 30 km bogħod mill-belt imlewna ta’ Bikaner f’Rajasthan. Huwa tempju li jospita eluf ta’ ġrieden li huma meqjuma proprju fil-qalba tad-Deżert Thar. Il-ġrieden – magħrufa anki bħala kābā jew “tfal ċkejknin” – hawn huma ħielsa jmorru fejn iridu bejn l-erba’ ħitan ta’ dan il-bini qaddis u huma attrazzjoni ewlenija għal mijiet ta’ vjaġġjaturi u pellegrini kurjużi li jiġu minn kullimkien.
In-nies tal-lokal jemmnu li t-tempju ġie mibni biex jingħata ġieħ lil Karni Mata, inkarnazzjoni tal-alla mara Hindu bl-isem ta’ Durga. Hemm leġġenda li tgħid li Laxman, l-iben tar-rispett ta’ Karni Mata, għereq waqt li kien qed jipprova jixrob minn għadira fl-Indja jisimha Kapir Sarovar. Wara dan Karni Mata marret għan l-alla tal-mewt, Yama, biex iġġib lura għall-ħajja lil Laxman, imma meta Yama rrifjuta jagħmel dan Karni Mata irreinkarnat lil Laxman u l-4000 dixxendent tiegħu f’daqstant ġrieden. Għalhekk in-nies tal-lokal jemmnu li dawn il-ġrieden li hemm fit-tempju huma manifestazzjoni tal-familja ta’ Karni mata fid-dinja.
Arkitettonikament it-Tempju ta’ Karni Mata hu eżempju mill-isbaħ tal-istil tradizzjonali ta’ Rajasthani. Il-faċċata tiegħu hija mżejna b’tinqix dettaljan fl-irħam, b’bibien tal-fidda li juru allat u figuri mitoloġiċi differenti. Ġewwa t-tempju hemm statwa ta’ Karni Mata, imżejna bi ħwejjeġ tal-ħarir irrakkmati u b’ġojjellerija.
Il-pellegrini jiġu mill-bogħod ħafna biex jaduraw u jagħtu l-ikel lil dawn il-ġrieden. Dawn l-annimali jieħdu ħsiebhom u jitimgħuhom regolarment is-saċerdoti tat-tempju li jemmnu li hu sinjal tajjeb ferm jekk jirnexxilek tara ġurdien abjad fost l-eluf ta’ ġrieden li jabitaw il-post.
Għalina xi ħaġa bħal din taf tidher stramba tassew u twerwirna jekk biss naħsbu fiha. Imma għan-nies devoti tal-lokal it-tempju għandu tifsira u importanza kbar ħafna.
Inti lest/a żżur post bħal dan?
(Sors: indiatimes.com)