X’għandek bżonn tagħmel u jkollok meta ssiefer bil-karozza?
Wasalna f’nofs is-sajf, imma ċert li bosta minna l-Maltin għad għandhom ħafna proġetti fejn isiefru barra minn Malta, anki bil-karozza tagħhom. Liema huma l-affarijiet li għandhom jiċċekkjaw qabel ma jsiefru u liema affarijiet għandhom ikollom fil-karozza?
Li jkollok it-tankijiet tal-fjuwil u tal-wajpers mimlijin u t-tajers minfuħin mhux biżżejjed. Fost l-affarijiet importanti li jkollok hija d-dokumentazzjoni kollha neċessarja:
- Il-liċenzja tas-sewqan;
- Il-log book, li fuqu jkun hemm miktuba n-numru tax-chassis tal-karozza, deskrizzjoni tal-magna, fosthom l-emissjonijiet CO2;
- Iċ-ċertifikat tal-insurance, bl-isem tal-kumpanija assikurattiva u d-data ta’ meta tagħlaq l-insurance policy;
- It-trijangolu aħmar u l-ġakketta ħadra li jirriflettu d-dawl fil-każ li tiqaflek il-karozza f’nofs ta’ triq;
- Xi pajjiżi, imma mhux fl-Italja, jirrikjedu li jkollok ukoll kaxxa tal-Ewwel Għajnuna, fire extinguisher u sett tal-alcotest fil-każ li jwaqqfuk il-pulizija b’suspett li inti taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Importanti li tiċċekkja dwar ir-regolamenti tat-triq tal-pajjiż li tkun se żżur fuq siti speċifiċi qabel ma’ fil-fatt tmur u tibda ssuq hemm. Dan jiffrankalek żgur numru ta’ multi li jistgħu jgħoddu mal-mijiet tal-ewro!
Huwa importanti wkoll li nżommu f’moħħna l-istaġun li matulu se nkunu barra bil-karozza. Barra minn Malta hemm l-obbligu li tibdel it-tajers skont l-istaġun. Mela tajers għax-xhur nexfin u oħrajn għax-xhur bix-xita u s-silġ. Fl-Italja pereżempju, huwa obbligatorju li taqleb għat-tajers tax-xitwa mill-15 ta’ Novembru ’l quddiem, għallinqas fuq parti kbira tat-toroq tal-pajjiż.
Jekk tkun se ssuq f’post fejn jagħmel is-silġ, allura hu importanti li jkollok sett adegwat ta’ ktajjen li jintlibsu fuq it-tajers biex jgħinuhom jaqbdu aħjar mal-wiċċ tat-triq. Mhux kull sett ta’ ktajjen kapaċi jaqbel mar-roti tal-karozza tiegħek. Mela ċċekkja sew li jkollok il-ktajjen tajbin. It-tajers tax-xitwa tagħrafhom għax ikollhom M+S u simbolu ta’ muntanja bi tlitt iqċaċet stampat fuqhom.
Jekk se tuża l-karozza tiegħek iċċekkja wkoll:
- Iż-żejt;
- Il-likwidu lubrifikanti tar-radiator;
- Il-batterija, li drabi taf taqa’ fi sħana estrema;
- L-ac jekk jaħdimx sew;
- L-indafa tal-ħġieġ fuq kollox ħalli jkollok viżibilità perfetta waqt is-sewqan;
- Qis li l-wajpers jimsħu sew.
(Sors: corriere.it)