X’għandek tagħmel biex tipproteġi l-ħajja ta’ annimali selvaġġi f’pajjiżna?
Għalkemm forsi ma tantx narawhom, Malta għandha diversi speċi ta’ annimali selvaġġi u kulħadd huwa responsabbli sabiex jagħmel dak kollu li jista’ biex jipproteġihom.
Riċentament ġiet imnedija s-sitt edizzjoni tal-kampanja Saving Our Blue. Din inħolqot sabiex tqajjem kuxjenza fejn jidħol il-baħar tagħna, kif għandna nżommuh nadif, u kif għandna nipproteġu l-kreaturi, partikolarment il-fkieren.
“Hemm bżonn li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, għaliex irridu li jkollna ambjent aħjar. Pero irridu naraw li nieħdu ħsieb ukoll il-baħar ta’ madwarna u nieħdu ħsieb l-annimali, sew fuq l-art u anke fil-baħar,” qalet Miriam Dalli f’kumment lit-tim ta’ Strada Rjali.
X’tista’ tagħmel inti biex tipproteġi l-annimali selvaġġi f’pajjiżna?
- Naqqas l-użu ta’ affarijiet tal-plastik li jintuża darba biss, partikolarment meta sejjer il-baħar jew xi picnic. Minflok ħu miegħek tazzi, pożati u platti li tista’ terġa’ tieħu miegħek id-dar, taħsilhom u tużahom darboħra.
- Ipparteċipa f’avvenimenti ta’ tindif tal-ambjent, u jekk forsi ma tistax tipparteċipa fihom, jekk tara plastik mormi fil-baħar jew fil-kampanja, iġbru u ddisponi minnu kif suppost.
- Ipproteġi spazji fejn taf li hemm bejtiet ta’ annimali selvaġġi u ċempel lill-awtoritajiet rilevanti bħan-Nature Trust fuq in-numru ta’ emerġenza +356 99999505. Organizzazzjonijiet bħal dawn jgħinu sabiex mill-ewwel jibnu l-protezzjonijiet neċessarji u ssir is-sorveljanza lil dawn il-bejtiet.
- Jekk tiltaqa’ ma’ annimal selvaġġ ferut, tħallihx ibati, iżda għamel kuntatt immedjat man-Nature Trust sabiex jiġu salvati u jittieħdu fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-Annimali Selvaġġi, Xrobb l-Għaġin.
Kont taf?
Malta għanda sptar fejn l-annimali slavaġ feruti jiġu mdewwija, imbagħad jiġu rilaxxati lura fis-selvaġġ. Iċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni għall-Annimali Selvaġġi, joffri wkoll informazzjoni lil dawk li jżuruh fuq kif l-azzjonijiet tal-bniedem jistgħu jaffetwaw lil dawn il-ħlejjaq tant importanti għall-ekosistema tagħna.