X’inhi s-sensazzjoni ta’ déjà vu u f’liema età sseħħ l-iktar?
Meta kont żgħir kien ikolli bosta waqtiet fejn kont inħoss li s-sitwazzjoni li kont għaddej minnha bħal kont għextha diġà xi darba qabel, minkejja li ma niftakarx meta. Iktar kemm għadda ż-żmien però, iktar fhimt li minn dawn id-déjà vu – li tfisser “diġà rajt dan” – kien qed ikolli dejjem inqas sakemm waqfu kompletament.
Id-déjà vu tagħtik sens falz ta’ familjarità ladarba hija kreazzjoni tal-moħħ. Żewġ terzi tal-bnedmin xi darba jew oħra jħossu din is-sensazzjoni li ddum biss ftit waqtiet qosra, għalkemm ir-reazzjonijiet tagħna għaliha jistgħu jdumu għal ħin itwal. Spiss is-sens ta’ déjà vu jintrabat ma’ esperjenzi koroh bħal xi mewta ta’ xi ħadd jew xi telfa, fosthom dawk li jseħħu fil-futbol.
Ix-xjenzati għadhom ma jafux fiċ-ċert x’jikkawża din is-sensazzjoni, imma jemmnu li sseħħ minħabba l-mod kif moħħna jipproċessa u jirkupra t-tifkiriet. Id-déjà vu hi meqjusa bħala glitch jew malfunzjoni momentanja fil-moħħ li għadha diffiċli ħafna biex tiġi studjata f’laboratorju.
Studjużi oħrajn jgħidu li d-déjà vu sseħħ meta l-partijiet ta’ quddiem tal-moħħ jippruvaw jikkoreġu xi tifkira mhix eżatta. Mela għall-maġġoranza tal-persuni, l-esperjenza tad- déjà vu tista’ tkun ħaġa tajba ladarba hija prova li l-partijiet tal-moħħ li jiċċekkja il-fatti qed jaħdmu tajjeb, u b’hekk ma jħalluniex niftakru ħażin ċerti avvenimenti li għexna.
Hemm min ma jħossux komdu meta jġarrab id-déjà vu. Soluzzjoni tajba kif tittratta sitwazzjoni bħal din hi li tiffoka – permezz tal-moħħ u s-sensi – fuq il-mument preżenti. Dan jgħinek tnaqqas mis-sens ta’ ansjetà jew stress li tista’ tħoss minħabba d-déjà vu.
Jekk ikollna episodji frekwenti ta’ déjà vu dan jista’ jfisser li nistgħu qed inbatu minn kundizzjonijiet serji bħall-epilepsija jew diżordnijiet tal-moħħ oħrajn.
Mill-istudji li saru d-déjà vu sseħħ l-iktar lil persuni ta’ bejn il-15 u l-25 sena, u tonqos iktar kemm nikbru fl-età. Ġie nnutat ukoll li din is-sensazzjoni sseħħ iktar matul il-lejliet, u matul tmiem il-ġimgħa milli fil-jiem l-oħra.
Inti ġieli kellek waqtiet ta’ déjà vu?