X’inhu l-agħar: It-tmiem ta’ ħbiberija jew ta’ relazzjoni?
It-tmiem ta’ relazzjoni hija diffiċli, madanakollu it-tmiem ta’ ħbiberija jista’ jkun li xi kultant tinħass agħar u aktar diffiċli! Għaliex?
- Hija telfa li probabbilment ma kontx qed tistenna – filwaqt li mdorrijin naħsbu li relazzjoni kapaċi tintemm, il-ħbiberiji nħarsu lejhom bħala xi ħaġa għal dejjem. Allura meta jintemmu jinħassu aktar bħala xokk.
- Hemm bażi ta’ konnessjoni emozzjonali profonda – il-ħbieb huma dawk il-persuni li tafda fihom u li jissapportjawk f’kollox. Ħafna drabi huma dawk il-persuni li jafuk l-aktar. Meta titlef din it-tip ta’ konnessjoni tista’ tħossok bħal qisek qed titlef parti minnek.
- Ma tifhimx eżatt għaliex il-ħbiberija ntemmet – filwaqt li relazzjoni romantika ħafna drabi tinvolvi konverżazzjoni ċara li twassal għat-tmiem, il-ħbiberija ħafna drabi bħal qisha tintemm mingħajr l-ebda tip ta’ diskussjoni, sempliċiment jibda jonqos dejjem aktar l-intress. Tista’ tħallik b’ħafna mistoqsijiet.
- Tista’ twassal sabiex toħloq anke problemi fiċ-ċirku soċjali tiegħek – Meta tintemm ħbiberija, partikolarment ma’ persuna li forsi qiegħda fl-istess ċirku soċjali tiegħek, tista’ twassal ukoll għal tensjoni u skonfort fil-grupp. Xi ħaġa li tagħmel it-tmiem tal-ħbiberija aktar diffiċli.
- L-uġigħ tal-qalb li jiġi minn tmiem ta’ ħbiberija mhux dejjem jiġi kkunsidrat – is-soċjetà ħafna drabi ma tħarisx lejn l-uġigħ li jiġi minn tmiem ta’ ħbiberija u allura huwa aktar diffiċli li titkellem dwarha u ssib is-sapport neċessarju.