X’kanzunetti tippreferi tisma’: bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan?
Għal ħafna minna l-mużika hija serħan il-moħħ, kumpanija, żvog, xi ħaġa li tgħinna naljenaw ftit rasna mill-piż u mir-rutina tal-ħajja. Minħabba f’hekk bosta minna nħobbu nisimgħu spiss ir-radju, kemm jekk inkunu l-parti l-kbira tal-jum id-dar impenjati bil-faċendi ta’ kuljum, kemm jekk inkunu fil-karozza qed insuqu bejn post u ieħor, u kemm jekk inkunu fuq il-post tax-xogħol.
Tara persuni mexjin jew jiġġoggjaw barra bil-headphones jew earpods f’widnejhom jisimgħu il-mużika. Oħrajn ifittxu xi post fejn tindaqq il-mużika favurita tagħhom meta joħorġu u jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom. Il-gyms, u anki l-gruppi li dan l-aħħar qed jingħaqdu biex jeżerċitaw fiżikament għall-miftuħ, iħobbu jużaw il-mużika sabiex dak li jkun ma jħossx it-toqol tal-eżerċizzju fiżiku u fl-istess ħin jimxi mar-ritmu tal-mużika u ma jarax il-ħin għaddej.
Kemm minna jħobbu jisimgħu fuq kollox il-mużika jew kanżunetti bil-Malti? Hemm dawk il-persuni avvanzati fl-età li jsemmulek kantanti u gruppi Maltin tal-imgħoddi li min jaf kemm ġabru folol madwarhom meta kantaw fil-pubbliku u għannew nostalġikament kemm stejjer romantiċi kif ukoll dwar Malta kif kienet fl-imgħoddi. Min kienu dawn il-kantanti jew gruppi Maltin li għamlu isem fl-imgħoddi u kienu tant maħbubin min-nanniet jew mill-ġenituri tagħna? U fejn kienu jkantaw u jesebixxu ruħhom l-iktar?
Illum ukoll ma jonqsux il-kantanti u l-gruppi li jkantaw anki b’ilsien art twelidna. Anzi, nazzarda ngħid li dawn żdiedu u rnexxielhom jibnu maż-żmien anki numru mdaqqas ta’ fans. Jiġu f’moħħi l-kanzunetti pop bil-Malti li ġieli nisimgħu saħansitra fuq ir-radjijiet lokali: mhux l-ewwel darba li jissorprenduna u ngħidu “Illistra x’faqgħa ta’ kanzunetta! Ritmikament taħkmek u l-kliem bis-sens!” Hemm ukoll festivals tal-kanzunetta Maltija speċifiċi li jsiru kull sena u b’hekk iħajru lil bosta biex jiktbu kemm il-lirika kif ukoll il-mużika. Imma mbagħad għall-Eurovision il-poplu dejjem jagħżel kanzunetta bl-Ingliż. Għaliex dan? Nuqqas ta’ fuduċja?
Persuni ta’ ċerta età jiggostaw ukoll il-kanzunetta Taljana u hemm fosthom li jattendu bi pjaċir kunċerti ta’ gruppi u kantanti Taljani. Hu veru li ż-żgħażagħ però jippreferu l-kanzunetti bl-Ingliż? Min huma l-kantanti favuriti tagħhom?