X’tagħmel meta xi ħadd iqabbiżhielek waqt is-sewqan?
Nafu li llum il-vetturi jiċċirkolaw fit-toroq Maltin u Għawdxin huma iktar minn 400 elf! Mhijiex sitwazzjoni faċli dik li ssuq fit-toroq tagħna, iktar u iktar f’dawn il-jiem jaħarqu tas-sajf meta taf titlef it-tempra iktar malajr.
Minkejja li fil-preżent f’bosta karozzi ngawdu mill-arjakundizzjonata, xorta waħda niltaqgħu ma’ fatturi differenti li jġagħluna nitilfu l-paċenzja u hemm drabi meta taf taqbżilna, anki jekk ftit wara jaf jiddispjaċina. Ma ninsewx li dan hu perijodu diffiċli għas-sewwieqa ladarba fit-toroq Maltin u Għawdxin f’dawn is-snin qed isiru ħafna xogħlijiet ta’ natura infrastrutturali, imma taf issib anki numru ta’ toroq magħluqin minħabba siti fejn hemm għaddejja kostruzzjoni ta’ appartamenti ġodda. Hemm ukoll kunsilli li mil-lum għal għada jiddeċiedu li jaqilbu s-sistema tal-One Ways ta’ taħt fuq u dan ikompli jiffrustra lis-sewwieqa lokali.
Qadja li normalment taf toħodlok nofs siegħa llum faċilment taqbiżlek is-siegħa u tilħaq sigħat twal, iktar u iktar jekk minn imkien jinqala’ xi inċident u jwaħħallek it-traffiku fl-arterji ewlenin.
Imbagħad hemm kwistjoni oħra. Minkejja li l-eżami biex iġġib il-liċenzja tas-sewqan illum m’għadux ħafif daqskemm kien ftit snin ilu, sfortunatament xorta taf issib dawk il-ftit – jew ħafna? – sewwieqa li jinsew li fit-triq mhumiex waħedhom u ħallihom jagħmlu li jqammrilhom! Taf issib lil dawk li joħorġu minn fuq STOP daqslikieku qatt m’eżistiet u ħallihom joffenduk jekk tiġbdilhom l-attenzjoni! Hemm imbagħad – ħafna! – min nesa l-użu tal-indicators biex jindikaw liema naħa se jduru. Oħrajn tarahom telgħin kontra l-kurrent minn One Way daqslikieku d-dritta kienet tagħhom! Hemm ukoll dawk li jaraw ħafna films tal-azzjoni u tarahom jiddriftjaw matul ir-roundabouts daqslikieku qegħdin Hollywood jew Daytona fl-Amerika! Ftit sewwieqa tal-muturi tarahom ġejjin bil-kontra fil-karreġġjata tiegħek daqslikieku kienu kamikaże u jippretendu li titla’ l-bankina biex jgħaddu huma.
Dinja ta’ taħt fuq? Jew poplu mimli fantasija u kreattività fejn jidħol is-sewqan ladarba ħadd ma jħabbatha magħna fil-qasam ta’ kif niksru r-regoli tat-traffiku?
Imbagħad hemm il-kreattività fil-lingwaġġ li nużaw meta niġu wiċċi imb wiċċ ma’ dawn il-kapurjuni! Inti x’taħseb dwar dan?