X’tagħmel u x’ma tagħmilx bl-ilma tal-ac
L-ilma li joħroġ mill-apparat tal-arja kundizzjunata huwa distillat, bla ebda nutrijenti u spiss ikollu fih fdalijiet kimiċi ġejjin mill-manutenzjoni. Huwa nieqes mill-manjeżju, kalċju u potassju li nsibu fl-ilma tal-vit. Għalhekk dan l-ilma mhuwiex tajjeb għax-xorb la għall-bniedem u lanqas għall-annimali. Tagħtix lill-annimali domestiċi tiegħek ilma tal-ac għax jistgħu jimirdu jew imutu.
Ċerti studji jsostnu li l-ilma tal-ac lanqas tista’ tużah biex tinħasel bih ladarba jista’ jkollu fih elementi li jagħmlu ħażin kemm lill-ġilda kif ukoll lis-saħħa. Hu ilma li jaf jiddanneġġja lil-livell t’umdità ta’ xagħrek u b’hekk tista’ tibda twaqqa’ xi xagħar.
L-ilma tal-ac jista’ jkollu fih ċerti batterji bħal-Leġjonella, preżenti fi sptarijiet, lukandi u cruise liners. Din il-batterja tista’ tikkaġuna fil-bniedem deni, nuqqas ta’ aptit, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, dijarrea, stat ta’ konfużjoni, telqa u letarġija.
Għalxiex jista’ jservi l-ilma tal-ac?
- Għat-tisqija tal-pjanti. Hemm min isostni però li jekk l-ilma tal-ac ikollu livelli għolja ta’ melħ minerali, allura mhux tajjeb għall-pjanti;
- Għall-ħadida tal-mogħdija meta tiġi biex tgħaddi l-ħwejjeġ;
- Tista’ tagħmel bih sapun tad-dar;
- Għall-karozza, bħal fir-resevoir tal-ilma tal-wipers jew għar-radiator;
- Għat-tindif tad-dar;
- Għal affarijiet li jżejnu l-ambjent, bħal xi funtana fil-bitħa jew fil-ġnien;
- Biex tifflaxxja t-toliet.
Min juża l-ilma tal-ac b’dan il-mod ikun qed iġib ruħu b’mod responsabbli tassew. Mela l-ilma tal-ac jista’ jintuża għal kwalunkwe ħaġa, imma mhux għat-tisjir jew biex jinxtorob.
Niftakru wkoll li meta nkunu qed nużaw l-ilma tal-ac inkunu qed nirriċiklaw u għalhekk niffrankaw mill-kont fuq il-konsum tal-ilma. Dan nistgħu nagħmluh l-iktar fix-xhur jaħarqu tas-sajf meta nħaddmu spiss dan l-apparat. Hemm min għandu iktar minn unit wieħed ta’ ac, mela ikbar ikun l-ammont ta’ ilma riċiklat u inqas il-kont tal-ilma.
F’żoni umdi l-ac kapaċi jipproduċi mas-60 litru ta’ ilma kuljum, mela għaliex naħluh? Ħalli barmil, landa jew jerry can biex tiġbor dan l-ilma prezzjuż jew ħallih iqattar direttament fil-kanal tal-ġardina biex jasal direttament fil-ħamrija u jżomm il-pjanti u s-siġar idratati.