X’tip ta’ persuna inti: tgorr jew ġellied/a?
Forsi hija karatteristika tagħna l-Maltin. Forsi, bħal bosta ħwejjeġ oħra, hija karatteristika tipika tal-popli tal-Mediterran. Forsi tiddependi mit-tip ta’ klima li ngħixu fiha jew mill-ambjent ċkejken u klawstrofobiku li ngħixu fih. Forsi hija mentalità li ġejja mill-fatt li għal bosta sekli konna maħkumin mill-barrani, mela f’pożizzjoni ta’ sottomissjoni u b’hekk drajna mgħaffġin taħt saqajn is-setgħan bla ma naġixxu. Forsi…
Qed nirreferi għall-garr li tant jgħajruna bih. Hemm min isejħilna saħansitra “Maltese gemgem” jekk nilmentaw kontra dak li jdejjaqna.
Xi jdejjaqna? Il-ħmieġ u l-arja mniġġsa fil-bliet, l-affollament u d-diżordni, in-nuqqas ta’ rispett tar-regoli u liġijiet, il-prezzijiet għolja ta’ oġġetti partikolari u li xi drabi ma jaqblux mal-prezz muri fuq it-tikketta tal-oġġett, il-bejgħ ta’ prodotti skaduti, id-disservizz minn min suppost jeċċella f’dan il-qasam…
F’dawn il-każi x’tip ta’ persuna aħna? Kif inġibu ruħna? Ingorru u nħallu l-biċċa għaddejja mal-oħrajn daqslikieku qatt ma kienet? Jew aħna persuni li nafu x’inhuma d-drittijiet tagħna u niġġieldu għalihom?
Fil-każ tal-prodotti jew servizzi li nixtru u ma nkunux kuntenti bihom hemm l-Għaqda tal-Konsumaturi. Il-konsumatur għandu d-dritt jingħata prodott skont id-deskrizzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet iddikkjarati meta xtraħ. Jekk dan ma jseħħx il-bejjiegħ irid isewwi jew jagħti verżjoni ġdida tal-istess prodott b’xejn lix-xerrej, jew inkella x-xerrej għandu jingħata lura l-flus li jkun nefaq.
Bħala ċittadini Maltin għandna d-dritt li ngħixu f’ambjent nadif u sigur. L-istess Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li l-Istat irid jipproteġi u jikkonserva l-ambjent u r-riżorsi tiegħu għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur u jrid jieħu l-miżuri meħtieġa biex jindirizza kull tip ta’ degradazzjoni tal-ambjent f’Malta, inklużi l-arja, l-ilma u l-art.
L-għarfien jagħtik is-setgħa u s-saħħa. Meta naraw li l-ħmieġ qed jiżdied fejn ngħixu hemm il-Kunsilli Lokali fejn nirrappurtaw ċerti nuqqasijiet. Dan sar iktar faċli permezz tal-internet fejn tista’ tressaq ilment lill-entità ikkonċernata minnufih bis-saħħa ta’ email. Kemm u meta jweġbuk hija kwestjoni oħra.
Jiddependi minna wkoll: fejn ma niġux ikkunsidrati għandna nkunu persistenti u konvinti f’dak li qed nagħmlu.
Inti gemgem jew fighter?