10 affarijiet li għandek tagħmel malli tintemm relazzjoni
It-tmiem ta’ relazzjoni qatt ma tkun faċli, speċjalment jekk qatt ma kont qed tistenniha, jew forsi l-persuna li kont magħha għamlitlek xi ħsara li ma tistax taħfer. F’dan iż-żmien għandek tippermetti lilek innifsek li tħoss is-sentimenti kollha kif hemm bżonn u li tiffoka fuqek inniffsek sabiex toħroġ minn dan il-mument diffiċli. Hawn taħt se ngħidulkom 10 affarijiet li għandkom tagħmlu jekk intemmet ir-relazzjoni tagħkom u li jistgħu jgħinukom tħossukom xi ftit aħjar maż-żmien.
- Ibki – ippermetti lilek inniffsek li tħoss dak li għandek bżonn tħoss, u ħalli d-dmugħ joħroġ. Il-biki huwa sempliċiment mod uman kif tiżvoga sabiex eventwalment tħossok aħjar.
- Ippermetti lilek inniffsek li tħoss u tifhem is-sentimenti tiegħek – tgħalaqx lilek inniffsek f’bozza u tippruvax tinjora s-sentimenti tiegħek. Aktar kemm tinjora s-sentimenti minflok taffaċċjahom, aktar iddum biex toħroġ minn din il-fażi.
- Oħroġ waħdek – ibda tgħallem kun ta’ kumpanija għalik inniffsek. Mur passiġġata waħdek u aħseb dwar dak li tixtieq tibdel f’ħajtek u x’tixtieq tagħmel biex verament tiffoka fuqek inniffsek.
- Oħroġ ma’ sħabek – sib dawk il-ħbieb sinċiera u aqsam ftit ħin magħhom. Mur ħu kafe, jew xi drink, aqsam pizza jew mur ara xi film. Verament gawdi l-kumpanija tal-ħbieb.
- Aċċetta li r-relazzjoni waslet fi tmiemha – tkomplix tkabbar il-ferita. Tkomplix tipprova tirranġa sitwazzjoni li ma tistax titranġa. Aċċetta li spiċċat u ħares ‘il quddiem.
- Neħħi dawk l-affarijiet li jfakkruk fihom – kemm jekk ritratti tagħhom li għandek madwar id-dar, l-ixkupilja tas-snien li kienu jużaw meta jiġu għandek, jew xi flokk tagħhom li baqa’ għandek…wasal iż-żmien li tneħħihom kollha min-nofs.
- Aqra xi ktieb – mur ħdejn il-baħar jew fil-kampanja u aqra xi ktieb. Ktieb jista’ joffrilek ftit ħin fejn taħrab f’dinja oħra.
- Ħu ħsieb tiegħek inniffsek – speċjalment jekk tħoss li matul iż-żmien li kont f’relazzjoni dejjem kellek tpoġġi lilek inniffsek fit-tieni post. Issa wasal iż-żmien biex tpoġġi lilek inniffsek l-ewwel.
- Orqod – ipprova kemm jista’ jkun tintilifx fil-ħsibijiet ta’ x’seta’ kien. Minflok uża l-lejl biex torqod u tistrieħ ħalli l-ġurnata li jmiss tkun tista’ taffaċċjaha b’mod aktar kunfidenti.
- Ivvjaġġa – mur xi post fejn xtaqt tmur, ma’ sħabek, mal-familja, jew anke waħdek. Oħloq esperjenzi ġodda għalik inniffsek u memorji sbieħ.