10 regoli importanti jekk għandek gwardarrobba qed tfur!
Meta jkollok gwardarrobba organizzata, ikun aktar faċli li tiddeċiedi x’tilbes. Issa li wasal iż-żmien li nibdew naħsbu biex naqilbu l-gwardarrobba minn dik tas-sajf għal tax-xitwa, għandna nibdew naraw jekk il-ħwejjeġ kollha li għandna verament għandniex bżonnhom jew le. Hawn taħt se ngħidulkom 10 regoli sempliċi li jistgħu jgħinukom f’dan il-proċess.
- Iddedika ħin apposta – jekk għandek ħafna ħwejjeġ, aħjar tara li tiddedika madwar erba’ sigħat biex tagħmel din il-ħaġa. Jekk forsi huwa diffiċli tagħmel kollox f’ġurnata waħda, ipprova qassam siegħa kuljum fuq erbat ijiem.
- Qassam kollox f’munzelli – oħroġ kollox mill-gwardarrobba u qassamhom fi tliet munzelli: dawk li se żżomm, dawk li tixtieq tbigħ u dawk li tixtieq tagħti bħala donazzjoni. Żomm biss dawk l-affarijiet li verament tħobb tuża u neħħi dawk il-ħwejjeġ li rarament tilbes jew li għandek bżonn ħafna ħin biex tieħu ħsiebhom.
- Organizza kollox skond il-kategorija u l-kulur – dendel il-ħwejjeġ skond it-tip u l-kulur. Forsi qassamhom hekk: ħwejjeġ eleganti, ħwejjeġ tax-xogħol, ġkieket, flokkijiet, qliezet, eċċ. Dan jgħinek meta tiġi biex tiddeċiedi x’ser tilbes.
- Ara li ż-żraben ikunu viżibbli – ixtri xi shoe rack jew itfagħhom f’post fejn tarahom. Evita li tpoġġihom fuq xulxin ħalli dejjem tkun taf x’għandek.
- Dur il-ħwejjeġ biċċa biċċa skond il-kategorija – per eżempju l-ewwel dur il-ġkieket, imbagħad l-ilbiesi eċċ. Dan jgħinek tifhem x’għandek iżżomm u ma żżommx u tikkumparahom ma’ xulxin.
- Kun realistiku fuq dak li żżomm għax ifakkrek f’xi ħaġa sentimentali – żomm biss dawk l-affarijiet li hemm verament sentimenti marbutin magħhom. Li tgħati ħwejjeġ li m’għadhomx jiġuk ifisser li xi ħaddieħor jista’ jgawdihom.
- Warrab il-ħwejjeġ li huma ta’ staġun ieħor – poġġi l-ħwejjeġ tal-istaġun l-ieħor f’xi kaxxi separati biex tagħmel spazju għall-ħwejjeġ li għandek bżonn tuża issa.
- Poġġi ħwejjeġ eleganti f’postijiet oħrajn u b’mod aħjar – ħwejjeġ li jintlibsu f’okkażjonijiet speċjali jieħdu ħafna spazju. Poġġihom f’post fejn ikunu protetti u fejn ma jokkupawlekx spazju li għandek bżonn tuża.
- Biddel il-pożizzjoni tal-ħwejjeġ fil-gwardarrobba – meta tilbes xi ħwejjeġ poġġihom f’post ieħor lura fil-gwardarrobba biex tifhem xi ħwejjeġ qed tuża u xi ħwejjeġ qed twarrab matul iż-żmien.
- Ipproteġi l-ħwejjeġ tiegħek – naddaf il-gwardarrobba sew qabel ma terġa’ tpoġġi fiha l-ħwejjeġ.