4 affarijiet li tista’ tagħmel biex tħossok tajjeb kuljum
Hemm affarijiet u azzjonijiet żgħar li nistgħu nagħmlu sabiex b’xi mod jew ieħor intejbu l-burdata u nħossuna aħjar. Idealment dawn nagħmluhom ta’ kuljum. Hawn taħt se ngħidulkom erba’ pariri li jagħti l-espert tal-kuntentizza Arthur Brooks fil-ktieb “Build a Life You Want”.
- Ilbes kuluri jgħajtu kull nhar ta’ Tnejn – meta tilbes kulur jgħajjat, jista’ jgħinek ittejjeb il-burdata u telimina dawk is-sentimenti ta’ dwejjaq li jiġu mal-bidu ta’ ġimgħa ġdida ta’ xogħol. Meta tħares lejn kuluri jgħajtu jsaħħulek il-livell tal-enerġija u jagħtuk sens ta’ kuntentizza.
- Sib xi tip ta’ passatemp ġdid – qatt xtaqt tibda tagħmel xi ħaġa ġdida? Mela issa wasal iż-żmien biex tagħmel dan. Kemm jekk xi tip ta’ sport, xi klassi taż-żfin jew jekk tixtieq tipprova tibda tpitter, meta tipprova passatemp ġdid jista’ jgħinek tirrilassa u jgħinek tħossok kapaċi tagħmel affarijiet ġodda.
- Tgħaġġilx mumenti ta’ kuntentizza, iżda gawdihom fit-tul – meta jkollok mument fejn tħossok kuntent, gawdieh. Per eżempju, jekk qed tiekol xi biċċa kejk tajba, minflok tiekolha f’sekonda, kulha ftit ftit u forsi ħalli biċċa għal aktar tard. L-istess metodu tista’ tapplikah għal affarijiet u esperjenzi oħrajn fil-ħajja li jġibulek kuntentizza.
- Qatta’ ftit ħin ma’ xi kelb, qattus, jew xi annimali domestiċi li tħobb – meta tmelles kelb, immedjatament tħossok aħjar. Kemm jekk għandek kelb inti, jew jekk forsi ta’ sħabek jew ta’ xi ħadd li tiltaqa’ miegħu fit-triq, meta tmiss kelb tista’ tnaqqas l-istress u żżid il-kuntentizza. Il-klieb ifakkruna nieħdu pjaċir bl-affarijiet żgħar fil-ħajja.