5 azzjonijiet li jgħinuk issib il-ħbieb f’età aktar matura
Il-Malti jgħid, “Aħjar ħabib fis-suq minn mitt skud fis-senduq”. Għalkemm il-ħbieb ġenwini huma ftit, il-bniedem huwa ħlejqa soċjevoli, u allura jħoss il-bżonn li jitħallat ma’ ħaddieħor sabiex itaffi mit-toqol tal-ħajja.
Jiġu mumenti f’ħajjitna fejn ninfatmu minn mal-grupp tal-ħbieb li jkollna meta nkunu iżgħar. Dan għaliex iċ-ċirkostanzi ta’ kull individwu jinbidlu. Għaldaqstant, aħna u nimmaturaw jaf insibu ruħna bi ftit jew xejn ħbieb. Meta tkun qed tikber jaf tkun iktar diffiċli li tagħmel ħbieb madanakollu l-ħbiberija hija importanti ħafna. Il-ħbiberiji jżidulna l-konnessjonijiet soċjali, inaqsulna l-livell ta’ stress, iġibulna sens ta’ ferħ u jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet b’moħħ aktar miftuħ.
Imma kif jista’ individwu jagħmel ħbieb ta’ età adulta?
Jekk tinsab b’din ix-xewqa, dawn il-punti jistgħu jgħinuk –
- Ottimiżmu u dinamiżmu
Biex tagħmel ħbieb ġodda trid tkun lest li tagħmilhom u tkun ottimist. Meta persuna jkollha t-tendenza għall-ottimiżmu, awtomatikament tirrifletti sens ta’ pożittività u allura hemm iktar ċans li tiġbed nies għal magħha.
- Agħmel ħsieb ta’ nies li tista’ ssir taf aħjar
Ikun tajjeb li tagħżel xi nies li tkun tafhom ftit imma li tixtieq issir tafhom aħjar. Meta tindividwa dawn il-persuni, tista’ tikkuntattjahom b’ xi messaġġ sabiħ fuq is-social media, jew tistedinhom għal kafe jew anke tiltaqgħu għal xi avveniment.
- Tillimitax ruħek
Jkun tajjeb li tipprova tagħmel ħbieb imqar ma’ 3/ 5 min-nies. Tillimitax ruħek għal persuna waħda. L-ewwelnett mhux kulħadd ikun disponibbli fl-istess waqtiet. Barra minn hekk persuni differenti joffru perspettivi u gosti differenti wkoll. Dan kollu jgħinek issaħħaħ il-karattru tiegħek.
- Involvi ruħek f’volontarjat
Bil-volontarjat, bniedem jiltaqa’ ma nies differenti u fuq bażi iktar frekwenti wkoll. L-individwu għandu ċans jidhra iktar in-nies ġodda li jiltaqa’ magħhom waqt li jkunu qed jaqsmu interessi komuni.
- Issoċjalizza kemm tista’
Qis dan il-fenomenu bħala sport. Iktar ma tipprattika, iktar tidhra. Staqsi lil sħabek dwar il-mumenti pożittivi jew inqas pożittivi ta’ matul il-ġurnata. Kulħadd ikollu bżonn jaqsam ma’ xi ħadd imqar farka ta’ dak li jkun għadda minnu. Diskussjoni simili tgħinek tirrealizza li bħal kulħadd, anke inti jkollok il-mumenti tiegħek.